Waħda mill-iktar vari tal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li dejjem affaxxinatni hija l-hekk imsejħa “l-Monument.” Naħseb li ta’ tifel ċkejken kienet issaħħarni din is-sodda hekk ornamentali li fiha jistrieħ Kristu mejjet wara li tkun rajtu jiġi msawwat jew imsallab fil-vari ta’ qabel. Monument imżejjen b’xogħol ta’ skultura mill-isbaħ, b’bellus ta’ lewn aħmar dagħmieni (jew demm il-baqra, kif isejħulu xi wħud), bi freneż tad-deheb, rakmu u bizzilla fina ta’ Malta. U xi anġlu b’xi brazz jew globu ma jonqosx. Forsi wkoll kien—u għadu—jolqotni għax jesprimi l-istess messaġġ li riedu jwasslu l-Evanġelisti meta jsemmu l-għażel u l-fwejjaħ prezjużi fi kwantitajiet hekk kbar biex ifakkruna li Kristu huwa Sultan li ħareġ rebbieħ permezz tas-Salib.
Din it-tradizzjoni ta’ Kristu mejjet imqiegħed f’urna funebri nsibuha wkoll f’diversi postijiet barra minn xtutna. U allura, bla dubju, kif tista’ ma ssejjaħx monumentali xena daqshekk majestuża! Kif tista’ ma ssejjaħlux “monument”! Anzi: “il-Monument,” għax jiddistingwi ruħu mill-ħafna monumenti mxerrdin ma’ kull kantuniera ta’ toroq l-ibliet u l-irħula tagħna. Mhux hekk?
Forsi iva … sakemm tfittex ftit u tiskopri li “monumentum” bil-Latin tfisser “qabar,” u allura tirrealizza li hemm daqsxejn differenza minn sodda rjali għal qabar imħaffer fil-blat. Fil-fatt, f’settijiet tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira li nħadmu fi snin iktar riċenti, “id-Difna” tieħu post il-Monument. Imma din id-distinzjoni mhijiex daqshekk relevanti għalina għax, imqar jekk biss tittawwal minn wara l-kanċell tal-iċken ċimiterju, tirrealizza li anke fuq l-oqbra tagħna nsibu monumenti kommemorattivi.
Għaldaqstant qajla tagħmel differenza … ħlief jekk Kristu mejjet ikollu jqum—forsi għax inkunu ħarbatnielu n-nagħsa ħelwa fuq sodda hekk komda minħabba l-istorbju fil-knejjes u fil-purċissjonijiet—u jagħmel lilna l-istess akkuża li għamel lill-kittieba u l-Fariżej li kienu jibnu l-oqbra lill-profeti u jżejnu l-monumenti tal-ġusti, imma ma kinux aħjar minn missirijiethom li qatluhom (Mt 23, 29-32). Għax din l-istorja tibqa’ tirrepeti ruħha. L-ewwel insikktu l-ilħna profetiċi fis-soċjetà u anke fil-Knisja, imma mbagħad nogħxew nikkanonizzaw u nagħmlu l-festi lill-qaddisin, jew ninawguraw monumenti u rħamiet ’l hemm u ’l hawn … forsi biex nippruvaw inserrħu l-kuxjenza … forsi biex żgur nissiġillaw il-‘qabar’ tal-memorja tagħhom bħala persuni tal-passat ħalli nsikktu l-kelma tagħhom illum.
L-Għid wasal, u miegħu wkoll il-ftuħ tal-qabar u t-tkissir ta’ kull monument. Nawguralek ċelebrazzjoni qaddisa ta’ dawn il-jiem ferm għeżież billi npoġġilek dil-mistoqsija ġo ħoġrok: X’se tagħżel li tkun? Tista’ tagħżel li tibqa’ tilgħab u tedha bil-monumenti, imma tista’ wkoll issir inti stess monument ħaj, qabar miftuħ, li fih seħħ il-qawmien meta tħalli lill-Ispirtu ta’ Kristu jrembel il-ġebla tat-toqol tiegħek biex iġġarrab il-ħelsien tassew fl-esperjenza tal-imħabba ta’ Alla—esperjenza li tant tibdlek li anke inti ssir profeta, xhud, li ma jehdiex u ma jgħajjiex jaqsam dan il-ferħ ma’ dawk kollha li jiltaqa’ magħhom.