X’hemm bejn is-Salib u l-qabar? Bejn il-Golgota u l-ġnien fejn indifen Ġesù f’qabar ġdid? Illum hemm irħam, lampieri, dekorazzjonijiet influwenzati minn tradizzjonijiet Insara differenti u perjodi artistiċi differenti. Illum ikun hemm ukoll pellegrini li, għalkemm b’xi mod huma turisti tipiċi li jieħdu ritratt tagħhom infushom ma’ kull rokna, b’xi mod l-esperjenza l-iktar profonda tkun waħda reliġjuża, devozzjonali, u, fuq kollox, esperjenza ta’ fidi.

Imma jekk flok fil-passaġġi u n-navi tal-Bażilika tas-Santu Sepulkru, fl-Art Imqaddsa, kellna mmorru lura fiż-żmien u nterrqu fl-istess postijiet meta kienu għadhom fl-istat ‘naturali’ tagħhom, żgur li niltaqgħu ma’ oġġetti u persuni differenti. Bla dubju nsibu xi trejqa dejqa, forsi wkoll imħarbta, li Ġużeppi ta’ Arimatija u Nikodemu mis-Salib setgħu jieħdu l-ġisem ta’ Ġesù u jagħtuh difna li tixraq lil Sultan … imma sultan li miet, bħal slaten oħrajn, u kefnuh fi kwantità hekk kbira ta’ żjut prezzjużi li kien juri biċ-ċar l-imħabba tagħhom imma wkoll in-nuqqas ta’ fidi fil-qawmien imħabbar.

Fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, Bejn il-Vara l-Kbira u l-Monument ikun hemm xi personaġġi bibliċi u l-kleru, bl-istramberiji kollha tagħna imma wkoll bl-għotja tal-ħajja tagħna proprju għall-qadi ta’ dan l-istess misteru. U, għalkemm fl-ordni tal-vari, id-Duluri waħedha taħt is-Salib, b’qalbha bis-sjuf minfuda u ħadd biex isabbarha għajr forsi għad-Dixxiplu l-maħbub, timxi wara l-Monument jew id-Difna, fid-devozzjoni tagħna proprju bejn is-Salib u l-qabar inpoġġu l-Pjetà: Marija b’Ġesù mejjet f’ħoġorha … impoġġi mejjet fuq l-istess ġuf li minnu twieled biex jifdina. Figura li bla ma rridu tqanqal fina kompassjoni, tqanqal fina simpatija, tqanqal fina faraġ għax żgur li t-tbatijiet tagħna bl-ebda mod ma jistgħu jlaħħqu mal-kobor u t-toqol tal-hemm tagħha dak il-ħin…

Nikodemu u Ġużeppi telqu. In-nisa l-oħra wkoll, bil-ħsieb li jiġu jagħtu t-tislima xierqa tagħhom wara l-Jum tas-Sibt, li dak il-ħin kien diġà daħal. Jibqa’ biss Marija waħedha, taqsam mal-agunija ta’ Kristu—tal-Alla-bniedem li mingħajr ġismu jsib ruħu f’post il-mejtin. U tibqa’ fin-nofs waħedha għax la setgħet taċċetta li mas-Salib kien spiċċa kollox, u lanqas li s-siġill fuq il-ġebla mrembla quddiem id-daħla tal-qabar kienet l-aħħar kelma.

U llum ukoll Marija tieqaf bejn is-slaleb u l-oqbra tagħna. Tieqaf magħna bi mħabba ta’ omm taħt is-slaleb tagħna wliedha sabiex fiha mhux neċessarjament insibu min jeħlisna mis-slaleb, mhux insibu soluzzjonijiet, imma nsibu xi ħadd li tassew jifhimna, anke fil-weġgħat l-iktar fondi tagħna, u jista’ jagħdirna għax jaf xi tfisser it-tbatija. Fl-istess waqt, hija l-Omm li ma tħalliniex nindifnu ħajjin, ma tħalliniex ningħalqu fina nfusna u qalbna tixrief, ma taċċettax li naqtgħu qalbna, imma takkumpanjana sabiex minn midfen il-qabar isir il-pedestall tar-rebħa, minn bieb magħluq u bla tama jsir il-bieb tal-ġenna.

Imxi magħna, Marija, fit-toroq tagħna bejn il-mewt u l-ħajja, mid-dlam għad-dawl, sabiex tkun magħna fis-slaleb tagħna, turina l-fiduċja ta’ Alla fina li tagħtina l-kuraġġ biex noħorġu mill-oqbra fejn ningħalqu u nġarrbu l-ferħ ta’ Ibnek Irxoxt.