Fit-taħdit Malti, xi minn daqqiet l-aġġettivi jieħdu l-artiklu hekk li bħal donnhom, flok jiddeskrivi oġġett, isiru isem proprju, bħal pereżempju “l-Għid il-Kbir” jew “il-Ġimgħa l-Kbira.” Hawnhekk, l-aġġettiv “kbir/a” la jiddeskrivi qies kbir u lanqas sempliċiment l-importanza tal-ħaġa imma jagħti isem proprju biex jiddistingwiha minn pereżempju Ġimgħat oħra matul is-sena jew inkella ġranet oħra ta’ festa (Għid) bħalma huma “Għid il-Ħammiem” (l-Epifanija), “Għid il-Ħamsin” (Pentekoste), “l-Għid ta’ Santa Marija” (Marija mtella’ s-sema), jew “Għid l-Imwiet” (it-Tifkira tal-Mejtin Kollha nhar it-2 ta’ Novembru).

Għalfejn qed ngħid dan kollu? Għax anke fejn tidħol il-vara tal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira msejħa “l-Kbira,” dan l-aġġettiv ma jurix sempliċiment il-qies tal-vara u n-numru tal-personaġġi li fiha. Veru, ġeneralment tkun l-ikbar statwa mqabbla mal-oħrajn u jkun fiha l-iktar figuri (erba’ normalment. Imma “l-Kbira” iktar huwa t-titlu mogħti lill-vara l-iktar ċentrali tas-sett proprju għax tiddeskrivi l-quċċata tal-mixja kollha tal-passjoni u l-mument fejn seħħet il-fidwa tagħna.

Minkejja li dan l-aġġettiv-isem insibuh fil-parroċċi kollha fejn issir il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, xorta waħda ninnutaw li artisti differenti ppruvaw jimmortalizzaw mumenti differenti ta’ dawk is-sigħat tal-agunija tas-Sinjur tagħna Ġesù Kristu. Xi minn daqqiet tieħu l-impressjoni li Ġesù qiegħed ikellem lil Ommu u lid-dixxiplu l-maħbub sabiex jafdahom f’idejn xulxin u permezz tagħhom iwaqqaf il-Knisja. Drabi oħra naraw lil Kristu b’ħarstu ’l fuq lejn is-sema fl-aħħar djalogu tiegħu mal-Missier, bejn qed jixher “Għaliex tlaqtni?” ikkumplimentata minn figura niexfa u mgħaddma, u bejn qed jintelaq f’idejh sabiex iroddlu ruħu.

Ħafna mid-dilettanti tar-refgħa jkunu jixtiequ li xi darba jew oħra jkollhom iċ-ċans jerfgħu f’din il-vara. Forsi bħala sinjal ta’ virilità għax, tassew, hija l-itqal statwa u, minħabba s-salib għoli, faċli tinħakem mir-riħ. Forsi bħala l-kuruna ta’ “karriera,” qabel ma jkunu xjaħu hekk li mbagħad ikun tard wisq. Forsi frott l-għarfien li hemmhekk, f’dak il-kobor dgħajjef, hemm il-qalba tal-misteru tal-fidwa tagħna. Jew, forsi bi spirtu iktar profond, hemm ix-xewqa li jissieħbu mal-misteru ta’ Kristu li għadu sal-lum—u jibqa’ sal-aħħar taż-żmien—jidher quddiemna msallab waqt li jerfa’ s-slaleb tad-dinja sabiex joffrihom lill-Missier fl-imkien mal-offerta tiegħu nnifsu li ssir għalina ikel tal-ħajja u xorb tar-ruħ. Min jaf!

Dilettant tar-refgħa m’iniex, u lanqas saħħa m’għandi. Imma, Mulej, kull darba li nilmħek imsallab quddiemi, jew tgħaddi msallab fit-toroq tal-ħajja ta’ kuljum tiegħi li nhar il-Ġimgħa l-Kbira jinbidlu fil-Golgota tiegħek, agħmel li bħal Ommok, id-Dixxiplu l-maħbub u l-Madalena nibqa’ hemm taħt is-slaleb ta’ ħuti. Agħmel li bħalek nibqa’ hemm fuq is-slaleb tiegħi. Fuq kollox, agħmel li nħallik tkompli fija dak is-sehem li ħallejt għalina mit-tbatijiet tiegħek għall-fidwa tad-dinja.