Waħda mill-vari tipiċi tal-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, li anke nsibuha fil-Via Sagra, bla dubju hija l-Veronika qed iżżomm maktur bil-wiċċ ta’ Kristu mpitter fuqha. Fis-sena 1208 il-Papa Innoċenz III beda purċissjoni mill-Bażilika ta’ San Pietru sal-Knisja ta’ Santo Spirito in Sassia, bir-relikwa tal-velu li fuq kien hemm il-wiċċ ta’ Kristu. Dan ir-rakkont juri l-importanza fl-istorja tal-Knisja li ġie mogħti lir-relikwa ta’ dan il-wiċċ.

Skont it-tradizzjoni Nisranija, Veronika kienet waħda min-nisa li akkumpanjat lil Ġesù sal-Kalvarju. Hi offrietlu il-velu, biex jimsaħ wiċċu, u x-xbieha ta’ wiċċ Kristu kienet ġiet stampata fuq dan id-drapp. Għalkemm dan ir-rakkont ma nsibuhx fil-Bibbja, dan ir-rakkont sar parti importanti mill-misteru tal-passjoni ta’ Ġesù. Tradizzjonalment, l-isem “Veronika” huwa meqjus li ġie ffurmat minn kelmtejn: “vera”, u l-kelma Griega “eikon” li tfisser “immaġni” jew “ikona.”

F’pajjiżna, id-devozzjoni lejn il-wiċċ ta’ Kristu kienet influwenzata ħafna minn żewġ qassisin: Dun Alfred Gatt u San Ġorġ Preca. Dun Alfred Gatt (1873-1937) kien saċerdot mill-Belt Valletta li kien qajjem id-devozzjoni lejn il-wiċċ ta’ Kristu fil-Knisja tal-Erwieħ, il-Belt. Illum il-pittura tal-wiċċ ġiet trasferita fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu, fl-istess Belt. Dun Ġorġ Preca kien beda l-Qima ta’ Wiċċ Kristu, li hi devozzjoni għażiża li ried li ssir kull nhar ta’ Ħamis. Fil-lejl tal-Ħamis, awl il-lejl il-mewt tiegħu, Ġesù qala’ ħafna swat f’wiċċu u ġie mżeblaħ mil-Lhud fil-palazz tal-Qassisin il-Kbar. Din il-qima hi tpattija għal dawn l-insulti li bata l-Iben ta’ Alla.