Il-Knisja tagħti ċerta importanza liċ-ċelebrazzjoni tat-twelid tal-Verġni Marija għax kien pass oħra fit-twettieq tal-pjan tas-salvazzjoni li kellu jseħħ bl-inkarnazzjoni ta’ Ġesù, l-Iben ta’ Alla. Barra dan id-dħul ta’ Alla fl-istorja tad-dinja permezz ta’ Marija, għalina l-Maltin, il-jum tat-8 ta’ Settembru għandu wkoll tifsira oħra, hekk li nirreferu għalih bħala Jum il-Vitorja. U dan għaliex il-poplu tagħna ġarrab il-ħarsien speċjali ta’ Omm Alla fuqu b’mod dirett fil-ġrajja tiegħu f’dan il-jum.
L-ewwel nett, insemmu r-rebħa fuq it-theddida kontra l-fidi nisranija fl-Assedju l-Kbir ta’ Malta. Kienu xhur iebsin ta’ taqbid taħt il-qilla tax-xemx, imma nhar it-8 ta’ Settembru waqfu l-attakki Torok wara l-wasla tal-Gran Soccorso b’suldati friski għal ġlied fil-jum ta’ qabel.
Anke l-imblokk tal-Franċiżi ntemm qrib din il-festa, fil-bidu ta’ Settembru 1800, wara li l-Maltin irreżistew bil-qawwa kollha tagħhom l-attakk fuq il-libertà reliġjuża f’isem il-libertà, il-fraternità u l-ugwaljanza, li ma kienu xejn għajr kliem sabiħ li ssarrfu biss f’tixrid ta’ dmija u ostilità.
Eqreb lejna, fit-Tieni Gwerra Dinjija, nhar it-8 ta’ Settembru 1943, l-Italja rtirat mill-gwerra kontra l-Alleati. Rebħa din id-darba kontra t-tkasbir tad-dinjità tal-bniedem mill-ideoloġiji estremi.
Forsi llum it-taqbidiet inbidlu, imma dawn l-istess theddidiet għadhom fostna taħt forom iktar sottili u kultant minn ġewwa stess. Kemm hu faċli li l-fidi niċħduha aħna stess meta nagħmlu l-kompromess mal-ħażin. Kemm hu faċli li nagħżlu tifsiriet tal-libertà li jidhru li qegħdin jemanċipawna imma minflok nisfgħu iktar imjassra għax tkun libertà li taqta’ l-bniedem mill-għajn tal-ħajja tiegħu. Kemm hu faċli li nkasbru d-dinjità tagħna nfusna jew ta’ ħutna, li nħarsu lejn uħud bħala bnedmin inqas minna bid-diskriminazzjoni u r-razziżmu, bil-kultura tal-mewt li qed taħkem anke s-soċjetà tagħna—kultura li ma tqisx il-valur tal-bniedem minnu nnifsu imma tuża kriterji oħra u ma tirrispettax il-ħajja mill-mument tat-tnissil sat-tmiem naturali tagħha.
U allura għadna neħtiġuhom l-interċessjoni u x-xhieda ta’ Marija aħna u nikkumbattu kontra dak kollu li jmur kontra s-sbuħija ta’ Alla, sabiex, bħalha, la ninħakmu mill-biża’ u lanqas mill-paniku imma nibqgħu nagħmlu l-għażla tal-imħabba sal-aħħar. Kif iħeġġeġ San Pawl lill-insara ta’ Ruma: “Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb” (Rum 12, 21).