A child waits with her family to evacuate Kabul airport as G7 leaders prepare to meet to discuss the withdrawal from Afghanistan. Photograph: US Marines/ZUMA Press Wire Service/REX/Shutterstock

Melita … hija kolonja mwaqqfa mill-Feniċi, li, huma u jestendu l-kummerċ tagħhom lejn il-baħar tal-punent, sabu fiha kenn sigur billi hi mgħammra sew bil-portijiet u tinsab fil-baħar miftuħ…

Diodorus Siculus, Bibliotheca Historica, 5.12.3

Djodoru ta’ Sqallija kiteb dan il-kliem fil-Librerija Storika żewġ sekli wara li r-Rumani ħadu taħt idejhom il-gżejjer tagħna, u mitt sena qabel ma l-Evanġelista San Luqa stagħġeb bil-“ħlewwa liema bħalha” tal-abitanti (Atti 28, 2). Bil-pożizzjoni tagħha fiċ-ċentru tal-baħar Mediterran, in-negozjanti mill-artijiet ta’ Kangħan—jew il-Feniċi, kif kienu jirreferu għalihom il-Griegi—għamlu minn Malta oasi ta’ ospitalità u kummerċ bejn diversi popli.

Fil-qedem, l-ospitalità ma kinetx tfisser biss għażla bejn ħajja u mewt, imma kienet ukoll turija ta’ nobbiltà tal-karattru u sinjal ta’ ċiviltà; il-quċċata tal-“ġustizzja naturali” fir-relazzjonijiet bejn persuni minn popli differenti għax mibnija fuq l-għarfien li l-barrani huwa bniedem ukoll.

Fi żmienna wkoll—forsi wkoll iktar minn qatt qabel—nagħrfu li d-destin ta’ kull poplu mhuwiex mifrud minn dak tal-bqija tal-umanità. B’danakollu, il-virtù tal-ospitalità hija kwalità rari f’dinja mmarkata mill-kompetizzjoni, ir-regħba u l-gwerra.

Bħalma eluf ta’ snin ilu, it-tibdil fil-klima, it-taqlib politiku, kriżijiet ekonomiċi, u pestilenzi ġagħlu lill-bniedem jitbiegħed mill-post tiegħu bit-tama ta’ ġejjieni aħjar, hekk ukoll illum uħud—forsi wkoll mingħajr ma jistennew xi diżastru jasal—jimirħu ’l bogħod biex ifittxu mergħat iktar bnien. Oħrajn huma bħal dawk in-negozjanti mimlijin ħajja u bla kwiet, bil-għatx għall-qsim ta’ esperjenzi ġodda u għarfien flok ġawhar, ħwawar u drappijiet.

Dan l-ispirtu ta’ ċaqlieq li jikkaratterizza l-villaġġ globali fi żmienna jsib ukoll reżistenza mill-kontinent tagħna li ma jazzardax jafda fl-aspirazzjonijiet ta’ immigranti żgħażagħ imma jippreferi li jibqa’ jitmewwet ftit ftit minħabba rata baxxa tat-twelid u kontroll strett tal-fruntieri.

F’salib it-toroq bejn dan iċ-ċaqlieq kollu, Malta mill-ġdid qed taffaċja l-isfida li tgħix skont isimha. F’dinja li hija indifferenti għall-karba tal-immigranti hekk li tiċħdilhom id-drittijiet umani bażiċi jew tużahom u tabbużahom għall-gwadan tagħha—permezz tat-traffikar tal-bnedmin, skjavitù, kundizzjonijiet tax-xogħol inġusti, u ħolqien ta’ sitwazzjonijiet ta’ dipendenza konsegwenza tar-regolamenti dwar l-istatus jew ix-xogħol—l-Evanġelju tal-Ospitalità huwa sinjal tal-qawwa li għandha l-ħniena ta’ Alla li tittrasforma … tagħmel ħbieb mill-barranin, u tiġborhom f’Poplu wieħed.

Lil hinn mit-twemmin, l-ilsien u t-tradizzjonijiet, l-ospitalità tagħti l-laħam lill-virtujiet tal-fidi, it-tama u l-imħabba, u ssir xhieda mgħixa li s-Saltna ta’ Alla qegħda tassew fostna.

Bħala poplu li ngħammru f’dawn il-gżejjer, nhar il-Ħamis, 16 ta’ Settembru ser ningħaqdu fit-talb u s-sawm sabiex, fid-dawl ta’ dak li għaddej minnu bħalissa l-poplu tal-Afganistan, jitħeġġeġ mill-ġdid l-ispirtu ta’ artna u nimpenjaw ruħna sabiex ngħixu l-istess ħlewwa ta’ missirijietna, nilqgħu l-barrani, nagħtu kenn lil min jinsab fil-bżonn, indewwu l-ġrieħi, infarrġu l-imkasbra, u nuru ħbiberija ma’ kulħadd.