Is-Salib huwa l-aktar sinjal għażiż għan-nisrani. Is-Salib jiġbor fih innifsu l-qofol tal-fidi tagħna li, minkejja li aħna dgħajfin, Kristu salvana permezz tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu. Fis-sinjal tas-Salib aħna nagħrfu l-imħabba kbira ta’ Alla li permezz ta’ Ibnu stess saret ir-rebħa fuq id-dnub. F’innu liturġiku tas-sitt seklu, magħruf bħala Vexilla Regis (Is-Sinjal tas-Sultan), insibu miktub:

Is-sinjal tas-Sultan riesaq lejna,

jiddi f’dawl misterjuż is-salib:

fuqu jitla’ l-ħallieq, biex lill-bniedem

jerġa’ jilqgħu bħal qabel b’ħabib.

Liturġija tas-Sigħat, Innu tal-Għasar tal-Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib

Il-Knisja Kattolika tiċċelebra l-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib nhar l-14 ta’ Settembru. Din il-festa tiġbor fiha tliet avvenimenti importanti:

  1. Is-sejba tas-Salib li hu s-sinjal tar-rebħa li Kristu għamel bil-misteru tal-Għid. Fi żmien l-Imperatur Kostantinu, hekk kif fuq il-Knisja reġgħet feġġet il-paċi, San Makarju, Isqof ta’ Ġerusalemm, imħeġġeġ u megħjun minn Sant’Elena waqt li kienet f’pellegrinaġġ fl-Artijiet Imqaddsa (326-327), ta ordni ħalli jinstabu l-imkejjen sagri. Hekk fost affarijiet oħra nstabu l-qabar ta’ Kristu, il-Kalvarju u s-Salib imqaddes. Skont it-tradizzjoni, is-sejba tas-salib hija attribwita lil omm l-imperatur Kostantinu, Sant’Elena.
  2. Id-dedikazzjoni tal-Bażilika tal-Qabar ta’ Kristu. Fis-sena 335 saret id-dedikazzjoni tal-Bażilika tal-Qabar ta’ Kristu, fejn inbniet Bażilika fuq dawk l-imkejjen sagri, li jimmarkaw il-post tal-misteru tal-Għid.
  3. Ir-ritorn tas-Salib imqaddes, fis-sena 629 WK, mill-Imperatur Biżantin Erakliju wara li kien waqa’ f’idejn il-Persjani.

Insibu li din il-festa fil-Knejjes tal-Lvant kienet iċċelebrata b’solennità kbira daqs dik tal-Għid il-Kbir. Intant fil-kalendarju liturġiku Ortodoss insibu żewġ dati li jiċċelebraw dawn l-avvenimenti. Fis-6 ta’ Marzu jikkommemoraw is-sejba tas-Salib Imqaddes mill-Imperatriċi Sant’Elena, filwaqt li fl-14 ta’ Settembru jfakkru d-dedikazzjoni tal-Bażilika tal-Qabar ta’ Kristu. Fil-kalendarju liturġiku ta’ qabel l-1960, il-Knisja Kattolika wkoll kienet tiċċelebra din il-festa fuq żewġ dati. Fit-3 ta’ Mejju kien jitfakkar is-sejba tas-Salib filwaqt li fl-14 ta’ Settembru d-dedikazzjoni tal-Bażilika. Illum il-ġurnata, niċċelebraw kollox fl-14 ta’ Settembru ta’ kull sena.

Wieħed forsi jsaqsi: jekk il-fidi tagħna hija waħda li tenfasizza l-imħabba u t-tama, għaliex l-Insara għażlu bħala s-sinjal tagħhom is-salib, għodda li r-Rumani kienu jużaw għat-tortura li twassal għall-mewt? Fir-realtà, meta wieħed jieqaf jaħseb, is-salib iġib miegħu krudeltà u kefrija kbira. Papa Franġisku fl-2014 waqt l-Angelus iwieġeb hekk: “Xi ħadd li mhux Nisrani forsi jistaqsina: għaliex “teżaltaw” s-salib?  Aħna nistgħu nwieġbu li ma neżaltawx xi salib kwalunkwe, jew is-slaleb kollha: neżaltaw is-Salib ta’ Ġesù, għax fih dehret il-milja sħiħa tal-imħabba t’Alla lejn l-umanità.” Hekk naqraw fl-Evanġelju ta’ dan il-jum: “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.” (Ġw 3,16).

Ieqaf ftit u aħseb kif Alla l-Missier tant iħobbok li permezz tal-mewt ta’ Ibnu fuq is-Salib, “jerġa’ jilqgħek bħal qabel b’ħabib.”