Il-melħ is-sena kollha, imma fis-sajf xi ħaġa iktar! Xi pakkett krips bil-melħ ma’ flixkun birra jkun duwa filgħaxija, u xi majnata fil-baħar ma tonqosx! U mbagħad veru dduqu l-melħ! Melħ mal-ikel … sakemm ma tkunx tbati bil-pressjoni. Tħossu ma’ ġismek kollu—u ġieli jxawtek ukoll—wara li titla’ mill-baħar u tinxef. Dbabar tal-melħ li jeħel mal-ħwejjeġ wara li jinxef l-għaraq.

Imma allura, ngħid jien, kif Ġesù f’waħda mill-parabboli tiegħu jgħid: “jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu t-togħma? Ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies” (Mt 5, 13).

Dahri kienu jużaw l-aġġettiv mielaħ jew mielħa għal xi ħadd sterili, li ma jistax jagħmel frott. Fil-fatt kien hemm drawwa antika li, meta tintrebaħ belt, biex tassew juru li qerduha, kienu b’mod simboliku jxerrdu l-melħ bħala sinjal ta’ saħta fuqha.

Mill-banda l-oħra, il-melħ jintuża biex jippreserva l-prodotti tal-ikel iktar fit-tul jew biex ikompli jsir (bħaż-żebbuġ u l-kappar fis-salmura. Ħdejn il-baħar, biċċa ħobż biż-żejt u l-ġardiniera għasel tinżel. Tant kien importanti l-melħ li fi żmien ir-Rumani kien jiswa daqs il-piż tiegħu f’deheb, u ġieli kien jintuża biex jitħallsu s-suldati u uffiċjali oħra—minn hawn ġejja l-kelma “salarju.”

U, għaldaqstant, iktar tinstema’ stramba dil-biċċa tal-melħ bla togħma, iktar u iktar meta nqisu li ħafna minna jikkunsidraw bla togħma ikel nieqes mill-melħ.

Awtomatikament, aħna nassoċjaw il-ġbir tal-melħ mill-baħar u s-salini—dawk il-kwadri kbar jew żgħar, skont il-post, li fihom jinġema’ l-ilma baħar biex, meta jevapora taħt is-sħana tax-xemx, jifdal biss kemm jinġabar il-melħ. U l-melħ hu diżinfettant minnu nnifsu, allura lanqas hemm bżonn proċess ta’ ħasil.

Imma l-baħar mhuwiex l-uniku sors għall-melħ. Jeżistu minjieri tal-melħ fil-muntanji, kilometri sħaħ ’il bogħod mill-baħar—forsi ġieli nnutajthom dawk il-bottijiet ta’ melħ jagħti fir-roża mill-muntanji tal-Ħimalajas fuq l-ixkafef tal-ħwienet. Anke fl-art ta’ Iżrael u fit-territorju tal-Palestina—kif kienu jsejħulha r-Rumani—probabbilment il-melħ kien jiġi mill-Baħar il-Mejjet, li huwa għadira magħluqa ta’ baħar mielaħ ħafna. U l-biċċa hawn qiegħda għax il-melħ minn dawn il-postijiet ikun fih l-impuritajiet jew ikun imħallat ma’ minerali oħra, hekk li biż-żmien, l-aktar minħabba l-umdità jew sħana żejda, il-melħ proprju (sodium chloride) jiġi fix-xejn, u nibqgħu biss b’dawn il-minerali l-oħra u l-impuritajiet li mhumiex tajbin għall-ikel. L-iskavi arkeoloġiċi madwar is-sit ta’ Qumran u d-deżert tal-Lhudija jagħtuna evidenza ċara ta’ dan.

Allura, mhux talli Kristu mhux qiegħed iħawwad, talli din il-parabbola fiha twissija serja. Barra t-togħma ta’ Kristu li rridu nagħtu lill-art li fuqha nterrqu u fiha ngħammru, jeħtieġ li nħarsu t-teżor ta’ Kristu fina li jagħti din it-togħma. Mingħajrha jifdal biss l-impuritajiet u l-affarijiet oħra inferjuri li ma jagħtux togħma jew, agħar, iħallu togħma morra. Neħtieġu d-dawl tal-Ispirtu biex niskopru x’inhi dik l-umdità fil-ħajja tagħna li tisirqilna din it-togħma, b’detriment sew għalina nfusna u sew għal dawk li l-fidi tagħhom isserraħ fuq tagħna. Tista’ tkun l-umdità tal-bruda, tal-kompromess, tal-“u iva!” li tħalli kollox jgħaddi, tan-nuqqas ta’ mogħdrija li suppost titkebbes mill-maġmar tal-imħabba ta’ Kristu għalina u fina. Tista’ tkun it-tfixxija tal-hena ’l bogħod mill-hena mwiegħed minn Ġesù, jew l-umdità ħierġa mill-valuri mnawra li tippromwovi s-soċjetà tagħna u tħaddan il-kultura tagħna.

Ġesù mhux jibgħatna nitmellħu meta nonqsu, imma jridna nibqgħu attenti u nħarsu mill-aħjar li nistgħu dan it-teżor li ġie mogħti lilna b’fiduċja, mhux biex inżommuh għalina imma biex naqsmuh mal-oħrajn ħalli huma wkoll iduqu l-imħabba mħawra ta’ Kristu!