Tlieta huma l-miġjiet tal-Mulej li nafu bihom. It-tielet waħda hija bejn it-tnejn l-oħra. Dawn it-tnejn huma bid-dieher, imma l-oħra le. Bl-ewwel miġja deher fid-dinja u għex mal-bnedmin, meta l-bnedmin rawh u bagħduh, kif jgħidilna huwa stess. Fit-tieni waħda l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna, u għad iħarsu lejn min nifdu. Il-miġja tan-nofs issir fil-moħbi: permezz tagħha l-magħżulin biss jarawh fihom infushom, u jaqilgħu s-salvazzjoni ta’ ruħhom. Mela fl-ewwel miġja ġie fil-ġisem bħala bniedem dgħajjef, f’dik tan-nofs jiġi bl-ispirtu u l-qawwa tiegħu; imbagħad fl-aħħar jiġi fil-glorja u l-kobor tiegħu. Il-miġja tan-nofs hi qisha t-triq li twassal mill-ewwel għat-tieni miġja; fl-ewwel waħda Kristu kien il-fidwa tagħna, fit-tieni dehra jkun il-ħajja tagħna, waqt li fil-miġja tan-nofs hu l-mistrieħ u l-faraġ tagħna.

San Bernard ta’ Clairvaux, Sermo 5 In Adventu Domini, 1 (PL 183.50C-51A)

Kien b’dan il-kliem li San Bernard ta’ Clairvaux fisser it-tama u l-istennija li ngħixu ta’ kull sena fi Żmien l-Avvent. Stennija li twessa’ l-orizzont tal-ħajja tagħna għax iddaħħalna fi storja millenarja qabilna, u li aħna nkomplu ngħixuha, u li l-Knisja tkompli timxiha anke wara li jintemm iż-żmien tagħna fuq din l-art u, bħall-fidda mgħoddija min-nar, niltaqgħu mal-Mulej li jsaffina għal kollox u jdaħħalna fil-hena tiegħu bla tmiem. Stennija kontinwa, li kontinwament tiġi mwieġba imma mingħajr ma qatt isseħħ għal kollox f’jiemna fuq l-art. U għalhekk, is-sejħa għall-konverżjoni li l-Knisja tagħmlilna f’dan iż-żmien mhijiex primarjament mogħtija t-timbru penitenzjali bħas-sejħa li ssirilna fi Żmien ir-Randan. Is-sejħa tal-Knisja f’dan iż-żmien qaddis hija biex inħarsu lejn il-ħajja tagħna b’mod sħiħ, fil-kuntest iktar wiesa’ tagħha. Sejħa mmarkata b’lingwaġġ li jimplika l-konverżjoni bħala t-tidwir tal-eżistenza sħiħa tagħna li tagħti daharha lejn id-dlam u tħares lejn id-dawl. Forsi għalissa dan id-dawl għadu musbieħ ċkejken: il-musbieħ tal-fidi mixgħul min-nar dejjem iħeġġeġ tal-Mulej u li jiġi mkebbes fina permezz tal-Aħbar it-Tajba tal-fidwa, kif jikteb San Pietru fit-Tieni Ittra tiegħu: “hi bħal fanal li jagħti d-dawl f’post mudlam, sa ma jibda jbexbex il-jum u f’qalbkom titla’ l-kewkba ta’ filgħodu” (2 Pt 1, 19).

Il-Kewkba ta’ Filgħodu hija dik li f’xi ġranet tidher tiddi ġmielha fil-Lvant qabel jibda jbexbex, meta jkun għadu d-dlam tal-aħħar sahra tal-lejl. U mat-tbexbix li, bejn ħajta dlam u oħra dawl, iċedi postu għad-dawl taż-żerniq, din il-kewkba tibda ftit ftit titlef il-qawwa tad-dija tagħha sakemm tgħib għal kollox meta l-jum ikun sebaħ ġmielu.

Allura x’inhi t-tifsira tal-Kewkba ta’ Filgħodu? Lejn tmiem il-Ktieb tal-Apokalissi, Kristu jistqarr: “Jiena r-Rimja tal-familja ta’ David, il-Kewkba tiddi ta’ filgħodu” (Apok 22, 16). Ġesù huwa l-Kewkba ta’ Filgħodu għax fl-ewwel miġja tiegħu bħala tarbija ċkejkna li spuntat mill-għerq ta’ Ġesse, bħala rimja qaddisa tad-dar ta’ David, dewwaqna mid-dehra tal-glorja tiegħu, “il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni, mimli bil-grazzja u l-verità” (Ġw 1, 14).

Fl-aħħar miġja tiegħu mbagħad jidher bħala x-Xemx tal-Ġustizzja, meta “Lejl ma jkunx hemm iżjed, u ma jkunux jeħtieġu dawl ta’ musbieħ u dawl tax-xemx, għax il-Mulej Alla jkun jiddi fuqhom, u huma jsaltnu għal dejjem ta’ dejjem” (Apok 22, 5). Din id-dehra għadna qegħdin nistennewha u nitniehdu għaliha, filwaqt li qegħdin ngħixu f’dan iż-żmien bejn dawn iż-żewġ miġjiet tiegħu. Aħna u nissaraw mad-dlam biex iktar joktor id-dawl fina u madwarna, Ġesù huwa magħna u kontinwament ifarraġna bid-dawl ħelu tiegħu li jixħet fuqna dell fietel, bħalma tagħmel il-Kewkba ta’ Filgħodu fi ljieli bla qamar, sabiex jagħtina t-tama li żżommna nterrqu mingħajr biża’ u b’qalbna mixgħula.