Ir-rebbiegħa diġà bdiet iċċedi posta għas-sajf u n-nixfa diġà bdiet tlibbes lil artna. Imma, frott l-urbanizzazzjoni ta’ gżiritna u l-aljenazzjoni li fiha ngħixu waqt li nippruvaw illaħħqu mal-maratona tal-ħajja, qajla ninnutaw din il-bidla gradwali u ċiklika li sseħħ fin-natura—għajr jekk forsi teħel fit-traffiku u, flok tindanna, toqgħod tħares lejn xi għalqa li tinzerta tkun għaddej minn ħdejha.
Waħda mill-affarijiet li laqtitni din is-sena huwa fenomenu sieket imma tant simboliku li ġġib magħha r-rebbigħa: filwaqt li l-għelieqi tal-qamħ ħadrana jsiru dehbiena u jkun wasal il-mument li fih jinħasdu, xi drabi f’għelieqi jmissu magħhom eżatt tibda tilmaħ iz-zkuk donnhom niexfa u mejta tad-dwieli jarmu l-weraq bi tħejjija għas-sajf fejn jimmatura l-frott tagħhom li minnu jintgħasar l-inbid, demm id-dielja … Żewġ pjanti li minn kaċċatur rabtu lill-bniedem mal-art u wassluh biex jistabbilixxi ruħu b’mod fiss għax kien fil-ħtieġa tagħhom għall-ħobża ta’ kuljum u għall-inbid tal-ferħ imma wkoll l-inbid tad-duwa fil-mard u garanzija ta’ xarba safja minn kull mikrobu, iktar u iktar f’postijiet fejn l-ilma ma kienx nadif.
Ritmu li wkoll jaqbel maċ-ċelebrazzjonijiet tal-misteru tal-Fidwa: oriġinarjament, l-Għid kien festa agrikola meta jibda jinħasad il-bikri tal-qamħ u Għid il-Ħamsin—seba’ ġimgħat wara—terġa’ tiġi ċċelebrata festa fi tmiem il-ħsad. Anke l-Festa tat-Tined hi marbuta mal-ħsad tal-għeneb u l-ipproċessar tagħhom sabiex isir l-inbid.
Aħna u niċċelebraw is-Solennità tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej, u l-purċissjonijiet li jġibu magħhom kemm din il-festa u kif ukoll din tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, forsi tajjeb inżommu f’moħħna dan il-proċess naturali li bħal donnu jwasslek biex timmaġina li anke n-natura qed tiċċelebra l-Ewkaristija tagħha magħmula wkoll mill-qamħ maħsud li jibda l-proċess biex isir ħobż, u d-dwieli li jibdew jarmu … ċiklu li prattikament ikopri s-sena kollha sakemm l-għeneb ukoll jinħasad, jingħasar għall-inbid li, meta jieqaf ibaqbaq u jkun jista’ jitferra’ fil-kalċijiet tas-salvazzjoni, ikun qorob iż-żmien li jinżera’ l-qamħ. Veru: il-ħobż u l-inbid huma xogħol idejna. Imma jdejna jridu jistabru u jistennew lill-frott tal-art fl-istaġun tiegħu, u bil-proċess tal-maturità u l-fermentazzjoni naturali tiegħu li m’għandniex kontroll fuqu.
U għalhekk, filwaqt li aħna noffru l-ħobż u l-inbid biex irroddu ħajr lill-Missier u nġeddu kull darba s-sagrifiċċju waħdieni tas-salib ta’ Kristu, il-Ħallieq joffrilna l-qamħ u l-għeneb sabiex imantnina kemm fuq livell naturali u kif ukoll fuq livell spiritwali—l-Ewkaristija tal-ħolqien li turina l-fedeltà ta’ Alla magħna li ma jħallina qatt waħedna u titlob minna l-fedeltà tagħna li ngħixu l-vokazzjoni primordjali mogħtija lilna f’Adam li naħdmu l-‘art’—hu x’inhu s-sehem tagħna fis-soċjetà biex id-dinja ssir post aħjar—filwaqt li ningħaqdu mal-għanja tal-ħolqien li ma tehdiex tfaħħar il-Mulej.