Fl-1 ta’ Ġunju l-Knisja tiċċelebra l-festa ta’ San Ġustinu, Martri. Min kien San Ġustinu, u għalfejn għadna niċċelebraw il-festa tiegħu tant sekli wara mewtu?

Jidher li Ġustinu twieled f’familja pagana bejn is-snin 90 u 100 w.K. fi Flavia Neapolis (illum Nablus), fis-Samarija, il-Palestina. Kif josserva San Ġwanni Pawlu II waqt omelija fil-knisja parrokkjali ddedikata lil dan il-qaddis ġewwa Ruma nhar l-14 ta’ Novembru 1982:

Għatxan għal dawl intern u ta’ verità dwar is-sens tal-ħajja, bir-riċerka metodika u rigoruża, ikkonverta mill-paganeżmu għall-Kristjaneżmu. U tant ħass ferħ għall-verità miksuba, li sar id-difensur kontra tant akkużi u kalunji li dak iż-żmien tferrxu kontra l-Kristjaneżmu.

Ġwanni Pawlu II, Viżta Pastorali lill-Parroċċa Rumana ta’ San Ġustinu, Omelija, 14 ta’ Novembru 1982, par. 6.

Din id-difiża San Ġustinu għamilha bl-istess għerf tiegħu ta’ filosfu permezz ta’ stil ta’ kitba msejjaħ ‘apoloġija’ fejn l-awtur jiddefendi t-tagħlim Nisrani. Fost il-kitbiet l-iktar magħrufa tiegħu huma l-Apoloġija maħsubin biex jiddefendu l-fidi kontra l-akkużi tal-pagani, u d-Djalogu ma’ Trifonju fejn jidħol fi djalogu ma’ Lhudi f’tentattiv li jurih li l-fidi Nisranija hija l-liġi l-ġdida u jagħti provi mill-Iskrittura li Ġesù hu tassew il-Messija.

Jidher li Ġustinu ngħata l-martirju f’Ruma fis-sena 165. Skont l-Atti tal-Martirju ta’ San Ġustinu u sħabu, insibu li l-prefett ta’ Ruma Rustiku b’disprezz jistaqsi lil Ġustinu: “Mela inti tistenna li se titla’ s-sema biex tieħu xi premju li jixraqlek?” U Ġustinu jwieġeb: “Mhux nistenna. Imma naf sewwa, u jiena żgur ħafna minn dan.” Jalla f’kull prova tal-ħajja nħallu din iċ-ċertezza tmexxina sabiex il-ħarsa tagħna tibqa’ fissa ’l quddiem fejn tassew tinsab l-hena tagħna.