Il-Madonna kellha sehem ewlieni u singulari fl-istorja tas-salvazzjoni. Dan għaliex kif, jgħidilna San Ġwann Damaxxenu, Alla għażel lil Marija sabiex tkun hi l-bieb verġinali li permezz tiegħu u minnu Alla jsir bniedem fostna. Fit-talb liturġiku tal-Knisja, Marija għandha rwol importanti ħafna. Infatti, waqt il-quddiesa, is-saċerdot flimkien mal-ġemgħa jirreferi tliet darbiet għall-Madonna: fl-att penitenzjali, fil-Kredu u fit-talba Ewkaristika.

Il-qima lejn l-Imqaddsa Verġni Marija nsibuha sa mill-ewwel talbiet ewkaristiċi bikrin fl-istorja tal-liturġija, u anke l-festi Marjani ilhom jiffurmaw parti kalendarji liturġiċi. Infatti bosta mumenti mill-ħajja ta’ Marija huma ċċelebrati fil-liturġija. Dawn jinkludu:

  • 8 ta’ Diċembru: it-Tnissil bla Tebgħa ta’ Marija
  • 8 ta’ Settembru: disa’ xhur wara it-tnissil niċċelebraw it-twelid ta’ Marija
  • 21 ta’ Novembru: il-preżentazzjoni ta’ Marija fit-tempju
  • 25 ta’ Marzu: 9 xhur qabel il-Milied niċċelebraw it-Tħabbira tal-Mulej lil Marija Santissima
  • 31 ta’ Mejju: iż-żjara tal-Verġni Mqaddsa Marija
  • 15 ta’ Settembru: il-Verġni Mqaddsa Marija tad-Duluri
  • 15 ta’ Awwissu: it-Tlugħ is-Sema tal-Verġni Mqaddsa Marija.

Reċentement, b’mod speċjali wara r-riforma tal-Konċilju Vatikan II, il-qima u d-devozzjoni lejn il-Madonna reġgħu ngħataw l-importanza meħtieġa. Huwa importanti li hawnhekk nagħmlu referenza għad-dokument tal-Konċilju dwar il-Liturġija Mqaddsa, fejn waqt li hemm spjega tas-sena liturġika nsibu li:

Fiċ-ċelebrazzjoni ta’ dan iċ-ċiklu ta’ kull sena tal-misteri ta’ Kristu, il-Knisja mqaddsa tqim bi mħabba speċjali lil Marija Mqaddsa Omm Alla li hi marbuta b’mod li ma jinħallx mal-opra tas-salvazzjoni tal-Iben tagħha; fiha tilmaħ u tgħolli l-ġid mill-aqwa tal-Fidwa u bil-ferħ tara fiha, bħallikieku fi xbieha l-aktar safja, dak li hi tixtieq u tittama li tkun.

Sacrosanctum Concilium, par. 103


F’dan kollu joħroġ biċ-ċar kemm fil-liturġija, filwaqt li Kristu jingħata l-post ċentrali, il-Knisja f’Marija tara mhux biss persuna importanti li bl-“iva” tagħha laqgħet il-misteru tas-salvazzjoni, imma wkoll xbieha ta’ dak li aħna mistennija li nkunu.

Il-Papa Pawlu VI, fl-1974, fl-eżortazzjoni appostolika Marialis Cultus jenfasizza din ir-rabta bejn il-liturġija u l-qima tagħna bħala nsara lejn Marija Omm Alla. Pawlu VI jikkwota talba mil-liturġija Możarabika biex ikompli juri x-xebh bejn Marija u l-Knisja:

Marija kellha l-Ħajja fil-ġuf tagħha, il-Knisja tnissel il-Ħajja fl-ilma tal-Magħmudija. Fil-ġisem ta’ Marija, Kristu ħa l-forma; fl-ilma tal-Knisja Kristu jintlibes.

B’hekk, waqt li fil-liturġija aħna nqimu lil Marija, fl-istess waqt nagħrfu fiha xbieha u mudell tagħna l-insara li bħalha nilqgħu l-Kelma ta’ Alla, nitlibbsu bi spirtu ta’ tifħir u talb, noffru kollox lil Alla u fuq kollox nħallu lil Kristu jitwieled fostna.

Jiena bħala nisrani, qiegħed nimxi fuq il-passi ta’ Marija fl-għażliet ta’ ħajti?