Elija, flimkien ma’ Mosè, huwa meqjus bħala wieħed mill-iżjed Profeti importanti tat-Testment il-Qadim. L-isem Elija bl-Ebrajk ifisser “Alla huwa l-Alla tiegħi”. Bl-Għarbi huwa msejjaħ “El Khader”—dak li huwa b’saħħtu. Il-Missirijiet tal-Knisja jqisu lil dan il-profeta bħala eżempju għall-profeti l-oħra, l-ifqar fost il-fqar, u l-fundatur tal-ħajja Monastika.
Fit-tradizzjoni Ebrajka, Alla huwa meqjus dak li f’idejh għandu erba’ ċwievet: waħda tax-xita, waħda tal-ħajja, waħda tal-qawmien u waħda għall-ikel (ara Targum Neofiti I), u Elija huwa meqjus bħala dak li għandu aċċess għal dawn iċ-ċwievet. Fost il-mirakli li għamel Elija, insibu li, wara perjodu ta’ nixfa, wassal biex jinfetħu bibien is-sema. Fl-ewwel ktieb tas-Slaten (18, 19-46), insibu t-tmiem tan-nixfa, u nsibu miktub dan: “Ara, hemm sħaba daqs keffa ta’ id ta’ raġel, tielgħa mill-baħar.” Qallu Elija: “Mur għidlu lil Aħab: ‘Arma l-karru u inżel, qabel ma tilħqek ix-xita’.” Huwa dak ukoll li qajjem lit-tifel tal-armla ta’ Sarefat. Fuq il-muntanja tal-Karmel huwa hu li jisfida lil Ġeżabel u l-qassisin ta’ Bagħal. Fit-Testment il-Ġdid, Elija jissemma madwar tletin darba, fost l-oħrajn insibuh ħdejn Ġesù fil-mument tat-trasfigurazzjoni tiegħu.
Il-Patrijiet Karmelitani, li din il-ġimgħa qed jiċċelebraw il-festa tal-Madonna tal-Karmnu, għandhom rabta kbira mal-Profeta Elija. Bħal Elija, il-Karmelitani jitgħallmu biex jisimgħu lil Alla fis-silenzju. Infatti, l-ewwel eremiti tal-muntanja tal-Karmelu bnew il-kmamar tagħhom madwar il-kappella għaliex din hija ċ-ċentru ta’ ħajjithom. Id-devozzjoni tal-Karmelitani lejn il-Profeta Elija għadha ħajja. F’Malta, il-Karmelitani waslu fis-sena 1418 meta n-nobbli Margarita D’Aragona ħalliet kappella u l-art tal-madwar fil-limiti tar-Rabat lil dawn il-patrijiet. Minn hemm huma nfirxu f’postijiet oħrajn f’Malta, fosthom fil-Belt Valletta, fl-Imdina, u fi żminijiet iżjed riċenti fi Fleur-de-Lys, Santa Venera, il-Balluta u l-Fgura.