F’dan l-artiklu ser niffokaw fuq versi 6-8 mir-rakkont tat-Tlugħ tal-Mulej fis-sema kif insibuh miktub fl-Atti tal-Appostli kapitlu 1—rakkont li qrajnieh bħala l-Ewwel Qari l-Ħadd li għadda.

Kif kienu flimkien staqsewh: “Mulej, hu dan iż-żmien li fih int se terġa’ twaqqaf is-Saltna ta’ Iżrael?”

Atti 1, 6

Ħafna kienu stennew li l-Messija ser jillibera lill-poplu mill-ħakma tar-Rumani. Peress li Ġesù, tul iż-żmien tiegħu fid-dinja, ma għamilx dan, id-dixxipli ħadu l-opportunità biex jistaqsu dan eżatt qabel ma’ Ġesu kellu jħallihom. Fit-triq lejn Għemmaws, Kleofa jgħaddi l-istess rimarka, fejn huwa u jkellem lil Ġesù jgħidlu: “Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja!” (Lq 24, 21).

Hu weġibhom: “Mhijiex biċċa tagħkom li tkunu tafu l-waqt u ż-żmien li l-Missier għażel bis-setgħa tiegħu. Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art.”

Atti 1, 7-8

Kristu jirrifjuta li jwieġeb din il-mistoqsija politika. It-tweġiba tiegħu mhix ċanfira, iżda hija tweġiba li fiha elementi kemm negattivi (“mhijiex”), u kif ukoll pożittivi (“imma”). Huwa Alla l-Missier biss li jaf meta dan ser jiġri. Waqt li għadhom fid-dinja, huma ser jirċievu l-Ispirtu ta’ Alla li permezz tiegħu huma ser ikunu jistgħu jagħtu xhieda—din hija tema ċentrali fil-ktieb tal-Atti tal-Appostli, li l-poplu huwa msejjaħ biex jagħti xhieda dwar dak li għamel  u għallem Ġesù. Kif insibu miktub f’ San Luqa: “li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. Intom xhud ta’ dan. U jiena, araw, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma Alla jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu” (Lq 21, 47-49).