Il-presepju tal-Milied
Bambin tax-xama’, fuq żewġ tibniet:
Madwaru siekta, erba’ nagħġiet.
’L hawn għarrkopptejha, Ommu Marija
Tħares titgħaxxaq, b’dik it-Tarbija.
Ġużeppi ħiemed, kollu ħosbien,
Mill-belt imkeċċi, x’aktarx għajjien.
Anġlu tax-xama’, f’idu l-kelmiet:
“Glorja lil Alla fl-ogħla smewwiet!”
Ftit ’l hemm il-baqra, b’għajnejha kbar
Donnha b’nifisha, se ssaħħan l-għar.
Lil hinn il-ħmara, tħares f’dagħbien.
Ma tistax tifhem, x’misteru kien:
Kif l-Iben t’Alla, kbir u setgħan
Twieled f’għar fqajjar
Mhux f’dejr sultan!
L-għar nofsu mdawwal,
Min-nar għajjien
Issa jitqawwa, issa jiċkien.
Fl-isfond tal-qasam, xi ragħaj fil-bogħ’d
Jidher iqarreb, donnu jirtogħ’d!
Meta Diċembru, jerġa’ fil-qrib,
Dan il-Presepju, imkienu jsib.
U xħin id-dalma, terġa’ filgħaxija
Dwaru ninġabru, lkoll għalenija.
Mgħaxxqin inħarsu, lejn il-Bambin,
Xi talba ingedwdu, ta’ tfal ċkejknin.
Żminijiet: Milied
Tindaqq f’ħinijiet partikolari: