Wasal il-Feddej

Niżżlu l-anġli mis-smewwiet
F’dak il-lejl għażiż ta’ skiet
B’leħen ħelu niżlu fl-għar
Fejn il-Għaġeb kbir kien sar
Bdew ibierku lill-Mulej
Waqt li jqimu lill-Feddej
Li ġie jgħix fost il-bnedmin
Biex inkunu lkoll henjin
Ġieħ lil Alla, ġieħ bla tmiem
Lill-bnedmin il-ferħ u s-sliem.

Iftħu qlubkom, żejnu r-ruħ
Biex ikun Ġesù milqugħ
Kif jixraqlu mill-bnedmin
Li sa jkunu mifdijin
Minn kull jasar u mid-dnub
Ħejju ruħkom, ħejju l-qlub
Uru l-ferħ! Bosta tamiet
Sa jitwettqu mal-wegħdiet
Ġieħ lil Alla, ġieħ bla tmiem
Lill-bnedmin il-ferħ u s-sliem.

Wasal, wasal il-feddej
Dak li ħalaq l-art mix-xejn
Ħadd ma laqgħu ġewwa d-dar
Ħlief il-bhejjem ta’ ġol-għar
Ġrew ir-rgħajja ħa jżuruh
Daħlu ħdejh biex iqimuh
Ġew is-slaten imbegħdin
B’kewkba ġdida mmexxijin
Ġieħ lil Alla, ġieħ bla tmiem
Lill-bnedmin il-ferħ u s-sliem.


Żminijiet: Milied 

Tindaqq f’ħinijiet partikolari:


Ma jeżistux riżorsi għal din il-parti tal-mużika