Ħarsitna ’l fuq lejn Ommna

Fl‑aħħar ta’ din il-mixja ta’ riflessjoni li għamilna flimkien matul dawn l-aħħar xhur, se ndawru l‑ħarsa tagħna fuq Ommna, li dejjem ħarset il‑komunità Nisranija f’Malta, nitolbu l‑interċessjoni tal‑Appostlu, missierna fil‑fidi, filwaqt li nżommu f’qalbna l‑kliem tal‑Papa Franġisku:

Il‑fidi tfisser ukoll nemmnu fih, nemmnu li tassew iħobbna, li hu ħaj, li għandu l‑ħila jidħol b’mod misterjuż fil‑ħajja tagħna, li ma jitlaqniex waħidna, li, bil‑qawwa tiegħu u bil‑kreattività bla tarf tiegħu, mill‑ħażin jaf joħroġ it‑tajjeb. Tfisser nemmnu li hu għadu miexi rebbieħ fl‑istorja flimkien ma’ “dawk li huma miegħu msejħin u magħżulin u fidili” (Apok 17 ,14). Nemmnu fl‑Evanġelju li jħabbar li s‑Saltna ta’ Alla diġà tinsab fid‑dinja, u qed tikber ’l hemm u ’l hawn, b’għadd ta’ modi: bħal dik iż‑żerriegħa ċkejkna li kapaċi tinbidel f’siġra kbira (ara Mt 13, 31–32), bħal ftit ħmira li tgħolli l‑għaġna kollha (ara Mt 13, 33), u bħaż‑żerriegħa tajba li tikber f’nofs is‑sikrana (ara Mt 13, 24–30) u dejjem għandha l‑ħila tissorprendina b’mod sabiħ. Hi preżenti, tiġi mill‑ġdid, tħabrek biex twarrad mill‑ġdid. Il‑qawmien ta’ Kristu jqabbad ma’ kullimkien l‑għeruq ta’ din id‑dinja ġdida; u anki jekk jinqatgħu, jerġgħu jixirfu, għax il‑qawmien tal‑Mulej diġà daħal fin‑nisġa moħbija ta’ din l‑istorja, għax Ġesù ma qamx għalxejn mill‑imwiet. Ejjew ma nibqgħux mal‑ġenb ta’ din il‑mixja tat‑tama ħajja!

Billi mhux dejjem naraw dawn l‑għeruq, għandna bżonn ta’ ċertezza li tiġi minn ġewwa, jiġifieri tal‑konvinzjoni li Alla jista’ jaġixxi f’kull ċirkostanza, anki qalb dawk li minn barra jidhru fallimenti, għax “dan it‑teżor qiegħed għandna f’ġarar tal‑fuħħar” (2 Kor 4, 7). Din iċ‑ċertezza hi dak li jissejjaħ “sens tal‑misteru”. Tfisser li nafu b’ċertezza li min joffri ruħu u jingħata lil Alla bi mħabba, żgur ser jagħmel il‑frott (ara Ġw 15, 5). Dan il‑frott ħafna drabi ma jidhirx, ma tistax tmissu b’idejk, ma tistax tgħoddu. Wieħed jaf sew li ħajtu ħa tagħti l‑frott, imma mingħajr ma jippretendi li jaf kif, jew fejn, jew meta. Għandu ċ‑ċertezza li xejn mill‑ħidmiet li jwettaq bi mħabba mhu ħa jintilef, xejn mhu ħa jintilef mit‑tħassib ġenwin tiegħu għall‑oħrajn, xejn mhu ħa jintilef mill‑għemejjel ta’ mħabba tiegħu lejn Alla, xejn mhu ħa jintilef mill‑ħidma ġeneruża, xejn mhu ħa jintilef mis‑sabar li mhux nieqes mill‑uġigħ. Dan kollu jdur mad‑dinja tagħna bħala qawwa li tagħti l‑ħajja. Xi kultant jidhrilna li bl‑isforzi tagħna ma nkunu ksibna l‑ebda riżultat, imma l‑missjoni mhix xi ftehim jew biċċa negozju, lanqas hi organizzazzjoni umanitarja, mhix spettaklu biex ngħoddu kemm nies ħadet sehem grazzi għall‑propaganda tagħna; hi ħaġa wisq aktar profonda, li ma tista’ titkejjel bl‑ebda mod. Forsi l‑Mulej qed jinqeda bl‑impenn tagħna biex ixerred il‑barkiet tiegħu fuq xi post ieħor fid‑dinja fejn aħna qatt m’aħna ħa nirfsu. L‑Ispirtu s‑Santu jaħdem kif irid hu, meta jrid u fejn irid; aħna nħabirku b’dedikazzjoni imma mingħajr ma nippretendu li nistgħu naraw riżultati li jagħtu fl‑għajn. Nafu biss li hu meħtieġ id‑don tagħna nfusna. Nitgħallmu nistrieħu fi ħdan il‑ħlewwa ta’ dirgħajn il‑Missier fl‑għotja kreattiva u ġeneruża tagħna. Nimxu ’l quddiem, nidħlu għaliha b’ruħna u ġisimna, imma nħallu lilu jagħmilna għammiela fl‑isforzi tagħna kif jidhirlu Hu.

Evangelii Gaudium, par. 278–279

(mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, 84-85)