Il-Ħorġa tal-Pellegrin: Is-Salib l-Aħmar

Fuq l-arzelli tal-pellegrini f’Compostela jkun hemm impinġi salib aħmar f’forma ta’ sejf bil-manku magħmul minn tliet fleur-de-lys. Jidher li dan is-simbolu—imsejjaħ is-Salib ta’ San Ġakbu—imur lura għal żmien il-Kruċjati. Il-kavallieri u s-suldati f’dan il-“pellegrinaġġ” biex jerġgħu jiksbu l-artijiet marbutin mal-misteru tal-fidwa kienu jġorru magħhom dan is-sejf-salib sabiex iwaħħluh fl-art ħalli jitolbu quddiemu. Il-lewn aħmar jirrappreżenta d-demm ta’ Kristu u l-isfond abjad tal-arzella li fuqu hu mmarkat ifakkarna fis-safa.

Għall-ewwel sekli tal-Knisja, is-salib ma kienx jintuża fid-dekorazzjonijiet u l-arti Nisranija. U nistgħu nifhmu għalfejn: għalkemm kien is-sinjal tal-imħabba ta’ Alla għalina l-bnedmin fl-offerta ta’ Ibnu, xorta waħda kien għadu ta’ stmerrija u twerwir għax kien għadu jintuża bħala piena kapitali. Dan narawh ċar saħansitra mill-ittri ta’ San Pawl:

Il-Lhud jitolbu s-sinjali, u l-Griegi jfittxu l-għerf, imma aħna nxandru ’l Kristu msallab, skandlu għal-Lhud u bluha għall-Griegi; iżda għal dawk li huma msejħin, sew Lhud sew Griegi, Kristu huwa l-qawwa ta’ Alla u l-għerf ta’ Alla. Għax il-bluha ta’ Alla hija għarfa iktar mill-bnedmin, u d-dgħufija ta’ Alla hija aqwa mill-bnedmin.

1 Korintin 1, 22-25

Is-Salib kien skandlu għal-Lhud għax, skont il-liġi tagħhom, kienu jqisu misħut lil min jiġi mdendel mal-għuda (ara Dewt 21, 23; Gal 3, 13). Kien bluha għall-Griegi għax għalihom ma kinitx tagħmel sens il-loġika ta’ Kristu li jagħmilha ċara li dawk li jimxu warajh iridu jkunu lesti li ta’ kuljum jiċħdu lilhom infushom u jerfgħu salibhom (ara Lq 9, 23). L-edoniżmu kien ipoġġi l-pjaċir bħala l-għan tal-ħajja tal-bniedem, filwaqt li l-filosofiji Stojċi u Gnostiċi kienu jippreżentaw it-tfittxija tal-għerf u l-ekwilibriju bħala l-għejun tas-salvazzjoni u tat-tjubija.

Għalkemm taħt forom differenti, dawn il-linji ta’ ħsieb—jew in-nuqqas ta’ ħsieb—u oħrajn mill-ġdid jitfaċċaw u jerġgħu jitfaċċaw, hekk li għalina wkoll tkun tgħodd il-ħasla li San Pawl jagħti lill-Galatin: “Ja Galatin bla moħħ, min saħħarkom bi kliemu? Intom li Ġesù Kristu tpinġa msallab quddiem għajnejkom!” (Gal 3, 1).

Quddiem is-slaleb tal-ħajja tagħna faċilment ninqabdu fl-istess nassa ta’ San Pietru fil-leġġenda tal-Quo Vadis. Jingħad li, meta l-persekuzzjoni ta’ Neruni bdiet tiqliel ġmielha, Pietru ddeċieda li jaħrab minn Ruma bil-lejl … Forsi għax beża’, u ma tagħtihx tort! Forsi għax ħass li kien fadallu xi jxandar dwar Kristu. Imma, realistikament, tista’ qatt tasal li tkun għedt u fhimt kollox dwar Kristu? U, waqt li qiegħed jaħrab, Pietru jilmaħ lil Ġesù li, flok ħiereġ bħalu, kien dieħel lura fil-belt mgħobbi bis-salib. U Pietru jistaqih: “Domine, quo vadis?’—“Mulej, fejn sejjer?” U Ġesù jwieġbu: “Eo Romam iterum crucifigi”—“Sejjer Ruma biex nerġa’ nissallab.” Għall-kuntrarju ta’ dak li ġara fl-aħħar ċena u t-tradiment ta’ wara, f’dan il-mument ta’ prova Pietru fehmu sewwa l-kliem ħelu imma sod tal-Imgħallem tant li jerġa’ lura u, ta’ ragħaj u għassies tajjeb tal-Knisja, jibqa’ mal-komunità tiegħu sal-aħħar, sakemm il-ġustizzja inġusta ppermettietlu.

Dan is-salib aħmar huwa stedina għalina biex infasslu l-ħsibijiet tagħna, il-viżjoni tagħna, fuq is-Salib tal-fidwa, u nimxu fit-triq tal-pellegrinaġġ u tal-ħajja b’responsabbiltà li nilqgħu dak li nġarrbuh bħala toqol u niket b’konvinzjoni li l-ħajja li ssallabna hija l-ħajja li tifdina … li l-Mulej li jsallabna hu l-istess Mulej li jifdina!

Filippin 2: Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù
5Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù:
6hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla,
ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,
7iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem;
8ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt,
anzi sal-mewt tas-salib.
9Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem,
10biex fl-isem ta’ Ġesù
—fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art—
il-ħlejjaq kollha jinżlu għarrkupptejhom,
11u kull ilsien jistqarr:
“Ġesù Kristu hu Mulej,
għall-glorja ta’ Alla l-Missier.”

Filippin 2, 5-11