Il-Ħorġa tal-Pellegrin: L-Arzella

Simbolu marbut ħafna mal-Camino de Santiago huwa bla dubju dak tal-arzella. Dan il-pellegrinaġġ jitlaq minn postijiet differenti fi Spanja jew Franza u jwassal sa Compostela fejn hemm meqjuma b’tant għożża fil-katidral tal-belt il-fdalijiet tal-Appostlu San Ġakbu l-Kbira, l-ewwel wieħed fost l-Appostli li ngħata l-martirju, minn Erodi nnifsu, ftit snin biss wara l-passjoni ta’ Ġesù (ara Atti 12, 1-2). Dawn l-arzelli miġburin mill-kosta tal-Galicia kienu jingħataw jew jiġu mibjugħa lill-pellegrini mal-wasla tagħhom fil-belt bħala rikonoxximent u xhieda li temmew il-pellegrinaġġ.


Hemm diversi leġġendi u mitoloġiji lokali li jorbtu l-arzella ma’ dan il-qaddis. Fit-tielet ktieb tal-Codex Calixtinus—l-eqdem manuskritt li jirreferi għal dan il-pellegrinaġġ u li jmur lura għall-ewwel nofs tas-seklu 12—naqraw kif, minnufih wara li safa maqtul, xi dixxipli ta’ Ġakbu niżlu lejn Ġaffa bil-ġisem tal-Appostlu u sabu jistenniehom vapur li f’sebat ijiem wassalhom f’Iria fuq il-kosta tal-Galicia, fi Spanja, sabiex jidfnuh hemmhekk. F’dan is-sors antik insibu hekk dwar l-arzella:

Jingħad li kull meta ddoqq f’widnejn in-nies il-melodija tal-arzella ta’ Santiago, li soltu jġorru magħhom il-pellegrini, id-devozzjoni tagħhom lejn il-fidi tiżdied, in-nases kollha tal-għadu jitkeċċew ’il bogħod; it-taħbit tas-silġ, it-tqanqil tal-maltempati, il-qawwa tat-tempesti jittaffew donnhom ragħad ta’ festa; il-buffuri tal-irjieħ jitrażżnu u jsiru moderat; il-forzi tal-arja jingħelbu.

Codex Calixtinus

Imma dak li rabat l-arzella ma’ dan il-qaddis huwa wieħed mit-23 miraklu li jiddeskrivi l-kodiċi, fejn b’mod tal-għaġeb San Ġakbu jsalva mill-għarqa kavallier li joħroġ mill-ilma miksi b’dan l-arzell. Dan wassal biex jiġu attribwiti wkoll b’qawwa mirakoluża.

L-arzella hija wkoll simbolu Nisrani antik li ġieli jintuża bħala motiv arkitettoniku. Il-linji tal-arzella li kulma jmur jikber l-ispazju bejniethom huwa simbolu tal-eternità, u allura tfakkarna fil-pellegrinaġġ tagħna lejn is-sema bħala “barranin u għorba fuq l-art” (Lhud 11, 13).

Anke fi żminijietna, ta’ spiss l-arzella tintuża għall-amministrazzjoni tas-Sagrament tal-Magħmudija li fil-ġuf tal-battisteru jnissilna bħala wlied Alla u jpoġġina fuq din it-triq li twassal għall-ħajja ta’ dejjem. Forsi dan is-simbolu jorbot mal-mitoloġija klassika li tirrakkonta kif Venere, l-alla tal-imħabba u s-sbuħija, toħroġ mill-baħar riekba fuq arzella mdaqqsa ġmielha—xena immortalizzata minn Sandro Botticelli (1445-1510).

Interessant wkoll li l-arzella titfaċċa f’wieħed mir-rakkonti li nsibu dwar il-ħajja ta’ Santu Wistin fil-Legenda Aurea. Darba minnhom, waqt li kien qed jikteb it-trattat De Trinitate, Santu Wistin mar għal mixja tul bajja bit-tama li jiċċara ftit il-ħsibijiet u jifhem il-misteru ta’ Alla bħala tliet persuni f’Alla wieħed. Hemmhekk jilmaħ tifel itella’ l-ilma mill-baħar permezz ta’ arzella u jferrgħu f’ħofra fir-ramel. Meta Santu Wistin jistaqsih x’kien qed jagħmel, it-tfajjel iwieġeb li kien qed ipoġġi l-baħar f’dik il-ħofra li għamel. Xħin il-qaddis għaref jgħidlu li kienet ħaġa impossibbli, pront pront it-tifel iwieġbu li daqstant ieħor ma kienx possibbli dak li hu kien qed jagħmel, jiġifieri li jifhem il-misteru bla qies tat-Trinità Qaddisa bl-intellet limitat tiegħu.

Tul il-mogħdijiet imserrpa tal-pellegrinaġġ minn banda bħal Santu Wistin ikollna nirrikonoxxu li ma nistgħux nesgħu l-misteru ta’ Alla fil-ħofra tal-ħajja tagħna. Madanakollu, il-mixja interjuri tlaqqagħna ma’ Alla wiċċ imb wiċċ mingħajr ma tipprova tispjegah jew taħkmu għal kollox. Mhux ta’ b’xejn li fl-Istqarrijiet Santu Wistin jikteb kif Alla huwa iktar ’l ġewwa mill-qalba tagħna (3.6.11, PL 32.688), tant li, meta jitkellem dwar il-mument tal-konverżjoni tiegħu, bla tlaqliq jistqarr: “Int kont ġewwa fija, waqt li jien kont barra minni nnifsi” (10.27.38, PL 32.795).

Santu Wistin: Tard Ħabbejtek
Tard ħabbejtek, o Ġmiel hekk qadim u hekk ġdid, tard ħabbejtek. Int kont ġewwa fija, waqt li jien kont barra minni nnifsi, u hemm fittixtek: fil‑kruha ta’ ruħi fittixt b’ruħi u ġismi l‑ġmiel tad‑dinja, li inti ħlaqt. Int kont miegħi, imma jien ma kontx miegħek. Kien iżommni ’l bogħod minnek il‑ġmiel tal‑ħwejjeġ li inti ħlaqt, li, li kieku ma humiex fik, ma huma xejn. Sejjaħtli, għajjattli, ftaħtli beraħ widnejja. Tfajt fuqi d‑dawl tiegħek, feġġet għalija d‑dija tiegħek, neħħejtli l‑għama tiegħi. Xħett fuqi l‑fwieħa tiegħek, ħadt nifs kbir ’il ġewwa, u issa nixtieqek fuq li nixtieqek. Doqtok, u issa għandi ġuħ u għatx tiegħek. Messejtni, u issa jien imħeġġeġ għas‑sliem tiegħek.

Santu Wistin, L‑Istqarrijiet, 10.27.38