Il-Katekumenat

Fl-aħħar riflessjoni tagħna ffukajna fuq il-perjodu tal-pre-katekumenat li jiġi qabel il-perjodu tal-katekumenat wara r-rit tal-aċċettazzjoni fl-ordni tal-katekumeni. F’dan il-perjodu tal-katekumenat, perjodu li jista’ jdum tal-anqas sitt xhur (iżda jista’ jdum numru ta’ snin), il-katekumeni (il-kandidati li għandhom jirċievu s-sagramenti tal-bidu) jingħataw katekeżi aktar intensa li tkun gradwali u ddur madwar is-sena liturġika, sostnuta bit-tħabbira tal-Kelma. Din il-katekeżi ma twassalx biss lill-katekumeni għal familjarità xierqa mal-dommi u l-preċetti iżda, b’mod speċjali, għal sens profond tal-misteru tas-salvazzjoni li jixtiequ jieħdu sehem fih. Kristu Rxoxt kien il-ġrajja fundamentali f’ħajjithom, li wasslet għal esperjenza ta’ riflessjoni fuq din l-esperjenza li, imbagħad, wasslet għat-tħabbira tad-dommi.

Iż-żmien imqatta’ fil-perjodu tal-katekumenat għandu jkun twil biżżejjed sabiex jirrifletti progress u affermazzjoni tal-konverżjoni u l-fidi tal-katekumeni. Matul dan iż-żmien, il-katekumeni għandhom jagħżlu l-parrini li se jippreżentawhom dakinhar tal-elezzjoni. Għal darb’oħra, il-formazzjoni tal-katekumeni għandha tinkludi l-komunità kollha: l-isqof, is-saċerdot, id-djakni, il-katekisti, il-familja u l-fidili.

Jekk il-katekumeni jitqiesu lesti li jirċievu s-sagramenti tad-dħul fil-Ħajja Nisranija, huma jipproċedu biex jipparteċipaw fir-Rit tal-Għażla, imsejjaħ ukoll ir-reġistrazzjoni tal-ismijiet. Normalment dan ir-rit liturġiku jsir fl-Ewwel Ħadd tar-Randan. Sal-mument meta jirċievu s-sagramenti tal-inizjazzjoni waqt il-Velja tal-Għid, il-katekumeni jgħaddu minn perjodu msejjaħ l-illuminazzjoni jew purifikazzjoni. Dan il-perjodu, li jdum l-istaġun kollu tar-Randan, huwa ddedikat għal formazzjoni interjuri aktar profonda, aktar milli formazzjoni kateketika. Għaliex dan il-pass jissejjaħ “Għażla”? L-aċċettazzjoni li tagħmel il-Knisja hija msejsa fuq l-għażla li seħħet minn Alla, li f’ismu taġixxi l-Knisja. Il-pass jissejjaħ ukoll ir-reġistrazzjoni tal-ismijiet għax bħala rahan ta’ fedeltà l-kandidati jniżżlu isimhom fil-ktieb li jelenka lil dawk li ġew magħżula għall-inizjazzjoni.

Matul dan il-perjodu ta’ tidwil u purifikazzjoni, il-katekumeni jgħaddu minn dawk li jissejħu “l-iskrutinji” u eżorċiżmi minuri. Dawn jinstemgħu strambi għalina llum fis-seklu 21, iżda dawn imorru lura għar-riti antiki tal-Knisja tal-bidu, li fittxew li jikxfu dak li hu marbut mad-dnub fil-qlub tal-magħżulin, sabiex jipproteġuhom mill-qawwa tad-dnub u ta’ Satana. It-tliet skrutinji li jiġu ċċelebrati jservu biex jispiraw xewqa għall-purifikazzjoni u l-fidwa minn Kristu. Dawn l-iskrutinji jiġu ċċelebrati matul it-Tielet, ir-Raba’ u l-Ħames Ħadd tar-Randan.

Matul is-Sibt il-Għid, bi tħejjija għas-sagramenti tad-dħul fil-ħajja Nisranija, il-katekumeni huma avżati biex joqogħdu lura milli jipprattikaw l-attivitajiet tas-soltu tagħhom, iqattgħu l-ħin tagħhom fit-talb, u josservaw sawm jekk ikun possibbli.

Talba

Mulej, hekk kif nidħol fil-misteru tal-Ġimgħa Mqaddsa, ħallini nirrifletti fuq il-grazzja mxerrda fuqi għas-salvazzjoni tiegħi. Ħallini napprezza dan il-mument ta’ preparazzjoni; tħejjija għall-affermazzjoni tal-fidi tiegħi, permezz ta’ dawk li qed iħejju biex jirċievu s-sagramenti tad-dħul fil-ħajja Nisranija. Ħallini nkun miftuħ għas-sbuħija tal-imħabba tiegħek għalija.

Mulej, iftaħni għall-Ispirtu tiegħek sabiex inħallih jaħdem fija, fid-dgħufija tiegħi u minkejja din id-dgħufija.

Mulej, għinni ħalli nkun xhieda għal dawk ta’ madwari tal-imħabba kontinwa tiegħek.