Ir-Riċevimenti ta’ Taħt il-Portiku

Barra l-waqfa ordinarja ta’ matul il-ġimgħa u, iktar u iktar, il-Ħadd għal xi kelma jew konverżazzjoni, iz-zuntier huwa wkoll xhud ta’ avvenimenti oħra. Bla dubju ma nistgħux nonqsu milli nsemmu l-ħruġ u d-dħul tal-vari fil-festi u fl-Għid il-Kbir li issa ormaj saru parti mir-ritwal sinonimu ma’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi. Mumenti li fihom diffiċli tikkontrolla l-emozzjoni tal-massa u tindirizzaha biex tiffoka fuq l-essenzjal. Imma tixhed ukoll ir-rabtiet mal-għeruq tagħna hekk li, anke jekk ma bqajniex noqogħdu fl-istess belt jew raħal, xorta mmorru naraw il-vara dieħla jew ħierġa—imbagħad ħalli mmorru nieħdu burger u birra sakemm il-fratelli, l-abbatini, il-kleru, ir-reffiegħa u l-bandisti qegħdin isiru ilma f’xi mkien minsi madwar ir-raħal.

Imma mhuwiex biss il-lok tal-ħbiberiji u r-rabtiet familjari li jerġgħu jiġġeddu sena wara oħra fuq iz-zuntier. Isir ukoll post fejn nerġgħu niskopru t-tifel jew it-tifla ta’ ġo fina meta, flimkien ma’ wliedna, immorru b’xi figolla jew bajda taċ-ċikkulata—li ġeneralment tkun laħqet dabet—sabiex dawn jiġu mbierka mill-kappillan jew arċipriet—bħal donnu din il-barka tnaqqas xi ftit mis-sens ta’ ħtija waqt li nindafru fiha wkoll jekk suppost hi tat-tfal u mhux tagħna…

Imma z-zuntier jew, fejn hemm, il-portiku tal-knisja hu l-post fejn iċ-ċelebrazzjonijiet ewlenin tas-sena liturġika—primarjament wara l-Velja tal-Għid u l-Quddiesa ta’ Nofsillejl—ma jintemmux bl-Ite missa est biss imma b’biċċa figolla jew qagħqa tal-għasel u kokotina, bħal donnha l-agape taż-żminijiet primittivi tal-Knisja imma f’verżjoni ridotta. Imma l-klassiċi jkunu r-riċevimenti oħra f’okkażjonijiet differenti matul is-sena u li fihom jaqbdek id-daħk b’mod partikolari meta jibda l-ġlied bejn dawk li ma jiċċaqalqux minn mal-mejda fejn qed jitqassam l-ikel u x-xorb, u dawk li qed jieħdu ħsieb li jibqgħu jrekknu l-ikel ġewwa minħabba fl-oħrajn, bil-konsegwenza li l-maġġoranza tan-nies jibqgħu b’xejn. Xi minn daqqiet ikun il-post fejn wara ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ Sagrament, l-għarajjes u xi wħud mill-mistednin jixorbu l-ewwel tazza bis-saħħa tal-għarajjes.

Hu l-post fejn jinbiegħu affarijiet tal-ħelu staġjonali jew tifkiriet tal-parroċċa bħala sors ta’ dħul, imma wkoll iżommu ħajja t-tradizzjonijiet marbutin ma’ diversi mumenti tas-sena liturġika. U xi ikla jew attività oħra tal-fundraising ma tonqosx għal min għandu zuntier kbir biżżejjed!

Toqgħod tgħid, huma dawn l-affarijiet li qajla nagħtu kashom jew nagħtuhom importanza li jdawru r-rota tal-komunitajiet tagħna, mhux biss ir-rota finanzjarja imma wkoll ir-rota tal-ħidma flimkien u l-kooperazzjoni bejn gruppi, għaqdiet u interessi differenti li mhux dejjem ikun faċli tirrikonċiljahom flimkien. Imma dan hu parti mill-misteru taz-zuntier: il-misteru ta’ kif, wara ħafna tqattigħ il-qalb u terturi, fejn ikun hemm ir-rieda tajba fl-aħħar tinduna kemm “Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejħin skont il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom” (Rum 8, 28). Jalla dawn il-mumenti li ngħixu flimkien fuq iz-zuntier ikunu t-twettiq fil-prattika ta’ dak li Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu fl-aħħar ikla magħhom: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13, 35).