Għall-ġid tal-komunità kellhom jiċċaħħdu mill-mistrieħ tal-Ħadd

Miz-zuntier fl-aħħar isir il-ħin biex naqbdu t-triq għad-dar, jew għall-qadi u x-xogħol matul il-ġimgħa—u ġieli anke l-Ħadd bl-iskuża tal-ġid komuni tas-soċjetà li qed jiġġebbed b’mod tant esaġerat li qed jisraq lil kategoriji sħaħ ta’ ħaddiema mill-mistrieħ tagħhom u l-ħin mal-familja. F’waħda mit-talbiet li ngħidu fl-Għasar tal-Ħadd filgħaxija (fl-ewwel ġimgħa tas-Salterju) biex bħal donna kważi kważi nserrħu l-kuxjenza, nitolbu hekk:

Kristu, Sid is-Sibt, int għadek taħdem s’issa, bħall-Missier:

– bierek lil ħutna l-ħaddiema li llum għall-ġid tal-komunità kellhom jiċċaħħdu mill-mistrieħ tal-Ħadd.

Liturġija tas-Sigħat

Għalkemm ħadd ma jista’ jiċħad li ċerti professjonijiet lanqas biss noħolmuha li jieqfu l-ħadd, b’mod partikolari fil-qasam mediku jew kura tal-anzjani, ikollna nammettu li xi kultant biex niddevertu aħna ħaddieħor ikun qed jiċċaħħad mill-Ħadd fis-sħuħija tiegħu. Ikollna nammettu li l-kumdità li tista’ tmur tagħmel ix-xirja tal-ġimgħa anke l-Ħadd issa kważi kważi qed nippretenduha bi dritt. Ikollna nammettu li, mill-banda l-oħra, f’ċerti oqsma tax-xogħol, kieku ma jkunx tmiem il-ġimgħa, kieku r-rota ftit iddur. U allura, irridu jew ma rridux, ikollna naslu għall-konklużjoni li biex issib il-bilanċ bejn il-ġid komuni u l-ġid tal-individwi u l-familji mhuwiex dejjem daqshekk faċli.

Imma tkun ħasra jekk ix-xogħol li jagħti lill-bniedem sens ta’ dinjità u ta’ skop fil-ħajja jispiċċa wkoll bħall-għażla taz-zuntier: jekk ikunx ċimiterju li joqtolna flok jagħtina l-ħajja, jew mistrieħ a skapitu ta’ ħaddieħor. U dan jispiċċa biex, mhux biss jisirqilna s-saħħa fiżika (u ġismek waħdu jurik li qiegħed jgħejja), imma wkoll jaffettwa s-saħħa mentali li teħtieġ dawn il-mumenti ta’ rikreazzjoni (ri-kreazzjoni, ħolqien mill-ġdid) u s-saħħa spiritwali li tiddgħajjef jekk ma tixrobx mill-għajn tas-salvazzjoni li ftit ftit tħejjina għall-mistrieħ ta’ bla tmiem f’Alla.

Kemm hu profetiku l-kliem tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika meta josserva li:

It-Testment il-Ġdid għandu ħafna espressjonijiet biex ifisser x’inhu l-hena li għalih Alla qiegħed isejjaħ lill-bniedem: il-miġja tas-Saltna ta’ Alla (ara Mt 4, 17); id-dehra ta’ Alla: “Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla” (Mt 5, 8; ara 1 Ġw 3, 2; 1 Kor 13, 12); id-dħul fil-hena tal-Mulej (ara Mt 25,21.23); id-dħul “fil-mistrieħ ta’ Alla” (Lh 4, 7-11): “Hemmhekk nistrieħu u naraw, naraw u nħobbu, inħobbu u nfaħħru. Dan hu li jkun hemm fit-tmiem bla tmiem. U [x’għan] ieħor għandna ħlief li naslu fis-Saltna li ma jkollhiex tmiem? (Santu Wistin, Il-Belt ta’ Alla, 22.30.5, PL 41.804)

Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, par. 1720