It-Toroq tal-Qalba

Hekk kif tkompli tpassi lejn id-destinazzjoni tiegħek, jeħtieġlek li toħroġ mill-misraħ billi taqbad waħda mit-toroq li jagħtu għalih sabiex, triq wara l-oħra, tasal fejn trid tasal. L-ismijiet tat-toroq taċ-ċentru storiku tar-raħal huma pjuttost interessanti għax ġeneralment ikunu ismijiet marbutin mal-qaddis titulari jew qaddisin protetturi oħra, ma’ avvenimenti jew personaġġi storiċi li jinsġu l-ġrajja u l-identità lokali. “Triq il-Knisja” u l-varjanti lokali tagħha, skont it-titlu li l-knisja parrokkjali għandha, żgur li ma tonqosx għax ma jistax ikun li ma jkunx hemm triq fil-qalba li t-toroq l-oħra jiżbukkaw fiha sabiex iwassluk fil-maqdes. U mbagħad xi ngħidu għal “Triq il-Kbira” li ġeneralment ma tissejjaħx hekk minħabba li hi triq wiesgħa (anzi pjuttost ġeneralment ikun il-kontra) imma hija triq twila li twassal jew għall-knisja jew għall-misraħ li fiha kienet isseħħ l-attività kummerċjali ewlenija tar-raħal.

Iktar ma titbiegħed mill-qalba u tibda tersaq lejn il-periferija tal-lokal, iktar hemm it-tendenza li ssib ismijiet strambi jew li qajla għandhom rabta mal-post, bħal ngħidu aħna ismijiet ta’ fjuri jew ta’ tjur f’postijiet mill-iktar urbanizzati, ironikament.

Imma dawn it-toroq, jaqgħu taħt liema kategorija jaqgħu, kollha jinfdu u jagħtu f’xulxin u jiffurmaw it-tessut tal-lokal. U, bħalma l-fjuri jżejnu l-knejjes tagħna fil-jiem ta’ festi u t-tjur isibu l-bejta ħdejn l-altar ta’ Alla (ara Salm 84, 4), hekk ukoll jeħtieġ li anke l-periferiji urbani ma jiġux traskurati, kemm fuq livell politiku imma wkoll fuq livell ekkleżjali. Mingħajr periferija ma tistax tgħid li hemm qalba, u mingħajr qalba l-periferiji jibqgħu mitluqin għal riħhom bla punt ta’ referenza komuni li jankrahom f’kuntest u fi storja, ukoll jekk għadhom ġodda għalihom u għadhom iridu jiskopruhom. Imma hu meħtieġ li kemm ta’ ġewwa u kemm ta’ barra, kemm ta’ isfel u kemm ta’ fuq, jitgħallmu kif jiktbu narrattiva komuni li tirrifletti realtà ta’ komunità li għandha storja li ma bdietx magħna imma lanqas storja li waqfet tinkiteb, imma hija ġrajja li kontinwament qiegħda sseħħ għax il-komunità hi ħajja u kapaċi tagħti l-ħajja.