X’se jipproteġi l-qalba tal-irħula tagħna?

Niftakar, meta kont għadni tifel, ommi kienet teħodna l-festa tar-raħal fejn twieldet, mhux b’xi devozzjoni partikolari lejn il-qaddis imma iktar bit-tama li tiltaqa’ maz-zijiet, il-kuġini, it-tfal tal-kuġini u l-ħbieb antiki li, bħalha, jinġabru għall-festa bl-istess għan. Għalkemm dak iż-żmien għalija kienet tortura annwali għax kien ifisser ħafna ħin bilwieqfa u ħafna ħin nisma’ konverżazzjonijiet li qajla kienu ta’ interess għalija. Imma llum li sibt ruħi fl-istess qagħda, nista’ nifhem aħjar il-valur ta’ dan ir-ritorn lejn il-bejta tal-anqas darba fis-sena—sakemm ma jinqalax xi funeral fin-nofs u kulħadd jerġa’ jinġabar flimkien.

Però, il-fatt li dan ir-ritwal ma jsirx spiss u tkun ilek nieqes mill-post, xi ftit jew wisq jibda jkollok is-sensazzjoni li l-kantant Franċiż Charles Aznavour jiddeskrivi fid-diska La Bohème, fejn l-ewwel jirrakkonta l-avventuri ta’ żgħożitu f’Montmartre, il-kwartier tal-artisti f’Pariġi, imma mbagħad jirrakkonta kif, meta wara ħafna snin irritorna, jgħid li la seta’ jagħraf il-ħitan, la l-ħwienet tax-xogħol u lanqas id-djar hekk li l-belt f’għajnejh dehret imdejqa u m’għadha tfisser xejn għalih.

F’pajjiżna għaddew diversi leġiżlazzjoni biex jikkonservaw il-qalba urbana tal-irħula tagħna. Imma din il-konservazzjoni arkitettonika fiha nnifisha xorta waħda ma tiggarantixxix il-ħarsien ta’ dak li hu tassew il-qalba tar-raħal: is-sens ta’ familja, fejn kulħadd jaf lil kulħadd, fejn l-istejjer tal-individwi u tal-familji jintisġu flimkien fi ġrajja waħda sew fi r-risq it-tajjeb u wkoll fil-ħażin.

X’se jipproteġi allura din il-qalba vera? Żgur li mhux in-nuqqas tat-tfal għax il-koppji ġodda li jridu jwaqqfu familja ma jifilħux jixtru dawn id-djar. Żgur mhux il-ħwat tal-pjanti u l-gallariji u l-aperturi rrestawrati u miżbugħin sabiħ. Ġeneralment it-toroq kollha tar-raħal kienu jduru u jagħtu għall-knisja. U għalhekk, jekk tassew irridu nħarsu l-qalba ta’ dak li jagħmilna komunità lokali, jeħtieġ li nixorbu mill-għajn li fiha ġejna mgħammda u fiha ninsqew permezz tas-Sagramenti. Huwa dan li jista’ jiggarantixxi stabbiltà fil-bidliet kollha demografiċi u arkitettoniċi, u mhux jekk tistax itella’ sular ieħor jew le.

Jekk din l-għajn tinxef u tmut, l-identità tagħna bħala belt jew raħal tibqa’ msejsa biss fuq oġġetti u avvenimenti li nipperpetwaw għax inħossu li huma dawn li jagħtuna l-identità tagħna. Mentri dak li jagħtina identità komuni huwa r-rabtiet ta’ bejnietna li joħolqu għanqbuta li fiha min qed ifittex lil Kristu, ukoll jekk ma jafx, ikun jista’ jiltaqa’ miegħu, u fiha l-partijiet individwali kollha huma meħtieġa u għandhom posthom biex jiffurmaw nisġa li hi ferm ogħla mis-sempliċiment artistiku u estetiku.