Il-Purċissjoni tar-Redentur

Iz-znieter, l-imsieraħ u t-toroq f’mumenti differenti matul is-sena liturġika jsiru estensjoni tal-matlab fil-qalba tal-belt jew raħal. U f’dan iż-żmien tar-Randan spiss ikollna minn dawn il-mumenti, din id-darba b’karattru penitenzjali, sabiex b’mod korporali nesprimu dak li hu spiritwali.

F’numru ta’ parroċċi hija konswetudni li fil-Ġimgħa tat-Tielet Ġimgħa tar-Randan isir il-pellegrinaġġ tar-Redentur. Din l-istatwa hija waħda pjuttost interessanti għax m’għandhiex għeruq bibliċi per se, imma iktar devozzjonali u prattiċi: kienx mgħobbi bis-salib sħiħ jew biss bit-traversa, ma naħsibx li hija ħaġa daqshekk straordinarja li raġel li għadu kemm ġie mbiċċer mis-suldati jaqa’ u jikkrolla taħt il-piż li qiegħed iġorr.

Imma żgur li, fejn tidħol id-devozzjoni popolari tagħna l-Maltin, ir-Redentur għandu post speċjali. U dan mhux biss ir-Redentur meqjus mirakoluż li hu meqjum fl-Oratorju tal-Kurċifiss anness mal-Bażilika Kolleġġjata ta’ Marija Bambina, l-Isla, imma tista’ tgħid f’kull knisja fejn hemm it-tali statwa esposta s-sena kollha għall-qima tal-fidili.

Fil-kronoloġija tan-narrattiva tal-passjoni, nistgħu ngħidu li din hi waħda mill-istatwi tat-triq lejn il-kalvarju. U forsi hu għalhekk li din ix-xbieha tiġbed daqshekk devozzjoni għax quddiemha nħossuna mifhuma, ukoll jekk b’mod inkonxju. U m’hemm xejn iktar qawwi minn meta tkun għaddej minn mument ħażin fil-ħajja u jirnexxilek issib lil xi ħadd li jifhmek u jirnexxilu jpoġġi fi kliem dak li lanqas inti stess ma kont kapaċi tagħmel. M’hemm xejn iktar qawwi minn dik il-ħarsa fonda li, bla kliem ta’ xejn, ma tippruvax tittrivjalizza t-tbatija tiegħek imma turik li inti mifhum sal-qiegħ tiegħek.

Jekk hux se timxi wara r-Redentur jew le f’dal-ġranet, inħalliha f’idejk. Imma ftakar li l-ħajja Nisranija hija kollha mixja wara r-Redentur li waqa’ hu fl-ifnad abbissi biex inti, kull darba li taqa’, tkun tista’ terġa’ tqum u tkompli miexi għax it-tmiem għadu ma wasalx u fadallek ħafna iktar x’taqdef!