It-Triq tas-Salib

Nammetti li jiena nippreferi noqgħod bilqiegħda fuq bank biex nitlob, anke jekk qed nitolbu l-Via Sagra fil-knisja. Forsi għax għażżien, imma iktar naħseb għax inħoss li kbirt biżżejjed għal dawn id-devozzjonaliżmi—dak l-imbierek xitan tal-kburija! F’ċerti knejjes il-Via Sagra hi mferrxa b’mod komdu mal-knisja hekk li veru tista’ tagħmel mixja. Imma fil-knejjes iżgħar tqarreb il-farsesk għax tkun qed iddur fuq il-fus flok timxi…

Imma, lil hinn minn dan kollu, hemm misteru fil-Via Sagra li bħal donnu jsaħħarna għax tinvolvi ħafna l-immaġinazzjoni peress li hija kronaka li tiġbor flimkien l-erba’ rakkonti tal-passjoni li nsibu fl-Evanġelju u magħhom iżżid elementi oħra li, bħall-waqgħat ta’ Kristu, il-laqgħa ma’ Ommu u l-Veronika, jagħtu laqta realista ta’ x’seta’ ġara għal għonq it-triq u wkoll jagħtu togħma ta’ umanità qalb dik il-krudeltà kollha.

U kultant, fit-toroq tagħna, meta niltaqgħu ma’ xi ħadd mill-ġirien jew ħbieb, u nieqfu npaċpċu ftit, barra z-zekzik li nsibuh wisq irreżistibbli biex nevitawh … f’dawn il-mumenti t-triq issir il-Via Sagra għax insiru Ċirinej u Veroniki għal xulxin. U dawn il-laqgħat jagħtuna r-reżiljenza meħtieġa biex ngħixu dak li jgħid il-proverbju Ġappuniż: “Jekk taqa’ seba’ darbiet, qum tmienja.”

F’dawn il-ġranet qaddisa tar-Randan, ipprova sib ftit ħin biex tagħmel din il-mixja ma’ Ġesù. Jekk tgħinek, itlobha waqt li tkun miexi, jew fil-kampanja jew madwar it-toroq dojoq u mserrpa tal-Imdina, ir-Rabat, il-Birgu jew postijiet oħra. Tista’ tagħmel dan mal-familja jew ħbieb tiegħek. U, waqt li tterraq, idħol fis-sandli (jekk kellu wieħed) tal-Iben ta’ Alla li bħalek terraq fuq wiċċ l-art u ħalli l-istess emozzjonijiet tiegħu jqanqluk u jkabbruk fl-umanità.

Biex titlob il-Via Sagra, tista’ tagħfas hawn.