Id-Duluri li timxi fit-toroq tagħna

Jekk matul dawn l-aħħar ġimgħat semmejna għadd ta’ purċissjonijiet li joħorġu mill-knisja u jduru madwar it-toroq ta’ fejn noqogħdu, xejn ma jista’ jitqabbel mal-purċissjoni tad-Duluri. Dakinhar tidher xi ftit l-ipokrezija jew, forsi xi ftit inqas iebsa, in-nuqqas ta’ konsistenza tagħna li nkunu devoti darba fis-sena u mbagħad il-kumplament tas-sena mingħalina qed ngħixu ta’ Nsara konvinti għax lil Alla ma ninsewhx għal kollox imma l-bqija jgħaddi kollox. Tispikka l-inkonsistenza tal-valuri tagħna li nhar id-Duluri nimxu mal-Omm fit-tbatija tagħha anke għax fiha naraw it-tbatija tagħna u x-xewqa li nsibu ħdan jilqagħna meta nkunu qed imissu l-qiegħ, imma mbagħad mhux neċessarjament naqblu mal-istqarrija twerżaq li tagħmel ix-xbieha tad-Duluri kontra l-qerda tal-ħajja u l-eliminazzjoni tat-tbatija billi telimina lil min qiegħed ibati flok, bħad-Duluri, tagħżel li xorta waħda tibqa’ ħdejn it-tbatija, skomda kemm hi skomda.

Ovvjament, waħda mill-weġgħat tar-ras dwar din li hija manifestazzjoni ta’ fidi suppost hija l-kwistjoni tar-rotta tal-purċissjoni għax kulħadd ikun irid li d-Duluri tgħaddi minn quddiemu—ukoll jekk is-sens veru ta’ purċissjoni huwa li timxiha u mhux tħares lejha… Minkejja li veru kien ikun hemm ħafna nies għal din il-purċissjoni, għadna rridu naraw x’se jiġri issa li se terġa’ ssir wara waqfa ta’ sentejn.

Din ix-xewqa li d-Duluri tgħaddi mit-triq tagħna tikxef ix-xewqa ġenwina li Marija tiġi ssibna fejn ngħixu u tidħol fl-ordinarjetà tal-ħajja tagħna. Iva, nixtiequ li Marija ġġib magħha lil Ġesù mitluq f’ħoġorha u twasslu għandna, anke jekk aħna tant mgħaġġlin li ħin għalih tal-anqas darba fil-ġimgħa ma nsibuhx. Forsi b’din il-mixja wara Omm Alla magħmul bniedem għalina nkunu qegħdin imqar imbexxqu ftit il-bieb ta’ qalbna sabiex, flimkien ma’ Binha, tkun tista’ tidħol fejn ngħixu il-ħajja ta’ kuljum tagħna sabiex hekk din tiġi mqaddsa u forsi, min jaf, nitqaddsu aħna wkoll.

Jekk tixtieq tagħmel din il-mixja ma’ Marija magħrufa bħala l-Via Matris, tista’ tagħfas fuq din il-ħolqa.