Il-Passjoni li ngħixu fit-toroq tagħna

Waslet il-Ġimgħa l-Kbira u fil-każini, ċentri u garaxxijiet fit-toroq tal-irħula u l-ibliet tagħna jfaqqsu wirjiet bla għadd tal-istess ħaġa—l-istatwi tal-Ġimgħa l-Kbira—imma fl-istess ħin ambjentati f’kuntesti differenti. Min jagħmel minjatura ta’ knisja u jiskjera l-istatwi taħt l-arkati tan-navi skont l-ordni stabbilit, kif ikunu fil-knejjes ta’ veru. Min jaħdem ġmiel ta’ bankuni u jpoġġi l-istatwi fuqhom armati fuq imwejjed tawwalin madwar il-kamra li fiha jkunu, filwaqt li tindaqq xi CD ta’ marċi funebri u x’aktrx ukoll il-magħrufa borma—jew misħuta, jekk bħali tkun tbati bl-allerġiji tan-nifs—li suppost tfakkar fit-taħlita ta’ morr u sabbara li ġab Nikodemu għad-difna ta’ Ġesù (Ġw 19, 39). U mbagħad ikun hemm dawk il-wirjiet iktar oriġinali, bħal dawk tal-platti tal-melħ.

Imma dawn il-mikrokożmi ta’ fidi u devozzjoni jilħqu l-milja tagħhom fil-Ġimgħa Mqaddsa li sseħħ bejn żewġ purċissjonijiet: dik iktar ferrieħa ta’ Ħadd il-Palm u l-oħra iktar sobrija tal-Ġimgħa l-Kbira. Ħasra li f’dawn il-purċissjonijiet daħlu elementi mhux daqstant liturġiċi li qegħdin jirrenduhom f’forma ta’ karnival penitenzjali. U dan jiġri l-iktar mhux minħabba l-affarijiet miżjuda fihom infushom, li għandhom skop kateketiku, imma għax isiru għan fih innifsu li jisraq mill-iskop veru ta’ dawn il-purċissjonijiet: li nimxu wara Ġesù bħala dixxipli tiegħu li bħalu u miegħu jeħtieġ li ngħaddu mill-mewt għall-ħajja.

U dawn il-purċissjonijiet—tal-ewwel iqsar, u tat-tieni pjuttost twila—b’xi mod iridu jwassluna biex inħallu t-toroq isiru l-post fejn aħna nistgħu niġu salvati u nsalvaw. Dawn l-istess toroq li fihom ngħixu, li fihom iseħħu inċidenti tat-traffiku jew fuq siti ta’ kostruzzjoni, li fihom ma nsibu qatt nipparkjaw viċin id-dar, li fihom niġru wara l-ħin biex nippruvaw illaħħqu ma’ kollox … f’kelma waħda huma t-toroq li matulhom inġorru s-slaleb tagħna, fihom ngħixu l-passjoni tagħna mingħajr kostumi u rtokk imma mqanfdin u mgerfxin kif aħna. U hawn ukoll jeħtieġ li bħala Nsara nħallu l-misteru tal-passjoni ta’ Kristu jsir tant parti minna tant li f’dawn l-istess toroq li fihom inbatu aħna nħallu t-tbatija tagħna f’idejn il-Mulej sabiex permezz tagħha jsalva mhux biss lilna imma wkoll lil dawk kollha li jiltaqgħu magħna b’dak kollu li qed jifnihom u jtaqqalhom fis-skiet.

Sabiex titlob il-Via Crucis, tista’ tagħfas fuq waħda minn dawn il-ħoloq.