Fadal iktar?! Il-Purċissjoni tal-Irxoxt

Wara dawk il-purċissjonijiet u pellegrinaġġi penitenzjali kollha, ikun fadal iktar: il-purċissjoni bl-Irxoxt! Dawn l-aħħar snin kellna ftit kontroversji dwar statwi li tfaċċaw minn hemm u minn hawn. Jista’ jkun frott il-fidi qawwija li għandna fil-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù li permezz tiegħu aħna wkoll nistgħu ngħaddu mill-mewt għall-ħajja. Imma ċ-ċiniku ta’ ġo fija jgħidli li l-kwistjoni kollha hi li ħadd ma jrid ikun inqas mill-ġirien li għandhom Irxoxt u aħna le!

Il-karattru ta’ din il-purċissjoni hu xi ftit partikolari għax għandu iktar mill-element tal-festi titulari jew sekondarji milli mill-purċissjonijiet devoti ta’ matul ir-Randan. U forsi bir-raġun, għax l-Għid huwa festa ta’ ferħ u kulħadd ikun ħerqan biex isellem u jawgura l-Għid it-tajjeb lil xulxin. Tkun inqas eċitanti meta l-Għid jiġi tard, u allura jkun ifisser li, jekk il-purċissjoni ssir filgħodu, mhux biss iddub iċ-ċikkulata tal-bajd tal-Għid li t-tfal ikunu ilhom nofstanhar iġorruhom magħhom, imma magħhom iddub inti wkoll. Il-birra tagħmel xi ftit tajjeb. Imma jekk tkun parti mill-purċissjoni jkollok tikkuntenta b’xi flixkun ilma li xi qalb tajba bħal tal-Veronika tmur tixtrilek.

Element karatteristiku tal-purċissjoni tal-Irxoxt huwa l-ġirja, li dwarha dan is-sit diġà ppubblika artiklu li tista’ ssibu billi tagħfas din il-ħolqa. Imma din il-purċissjoni għandha diversi qċaċet li tilħaq. Mhux biss il-ġirja li hija l-antiteżi tal-ġirja tal-ħajja frenetika li qegħdin ngħixu għax proprju hija l-ġirja biex tagħraf dak li hu straordinarju u mhux il-monotonu tal-ħajja ta’ kuljum.

Iktar ma l-purċissjoni tqarreb lura għall-misraħ tar-raħal u tqarreb lejn il-knisja, il-purċissjoni tikseb ċertu momentum bin-nies jitfaċċaw minn kull triq jew trejqa u jiżbukkaw fil-pjazza għal fuq iz-zuntier fejn isir it-tberik tat-tfal u l-ħelu tal-Għid. Billi xi ftit jew wisq din il-purċissjoni kultant tieħu l-forma kważi ta’ marċ jew tal-festa, il-ġemgħa ta’ quddiem il-knisja tkun imħallta ħafna. Imma ironikament ikun il-mument fejn nies li forsi jgħixu fuq il-periferija tal-Knisja jsibu ruħhom hekk qrib. U kemm tkun ħaġa sabiħa meta ċ-ċelebrazzjoni tagħlaq billi kulħadd jidħol fil-knisja għall-barka sagramentali. Ikun mument sabiħ mhux biss għax ikun hemm min ikun ilu mis-sena ta’ qabel ma jidħol il-knisja, imma hu isbaħ għax dawn l-istess nies li se jerġgħu jirritornaw lejn il-periferija, bħan-nisa fl-ewwel jum tal-ġimgħa, jiġu mibgħuta jwasslu l-ferħ tal-qawmien ukoll jekk huma stess għadhom ma fehmuhx.

Jekk tixtieq li l-purċissjoni tal-Irxoxt ma tkunx tmiem imma l-ewwel pass f’mixja ’l barra, tista’ titlob il-Via Lucis billi tagħfas fuq din il-ħolqa.