Isa, għax wasal it-Tberik!

Jekk hemm min jaħseb li wara ċ-ċelebrazzjoni tat-tridu tal-Għid il-parroċċa tieħu ftit nifs u forsi toqgħod maqfula ġewwa għall-kwiet, sejjer ferm żbaljat. U dan għaliex, ħlief forsi għal ġurnata jew tnejn li jinqabżu, il-kappillan u, fejn hemm, saċerdoti oħra tal-parroċċa jibdew iduru t-toroq tal-bliet u l-irħula tagħna sabiex titwassal il-barka ta’ Kristu Rxoxt mhux biss fil-knisja jew saz-zuntier imma lil hinn: fit-toroq kollha, sal-ibgħad periferija tat-territorju parrokkjali.

Niftakar meta konna żgħar, bħala abbatini, dawk minna li kienu ftit iktar makakki jew esperjenzati, konna nagħżlu ċerti toroq u nħallu oħrajn (li bil-lingwaġġ tal-lum inqisuhom bħala tal-periferija) għal dawk b’inqas esperjenza jew mhux daqstant perspikaċi. Imbagħad jgħidu li t-tfal huma innoċenti! Anke l-mod stess ta’ kif kien jitqassam il-programm tat-tberik, kellu ħabta kif kien jibda mit-toroq l-iktar qrib u jum wara l-ieħor jitbiegħed iktar mill-qalba, imma xorta kullimkien jintlaħaq.

Għalkemm illum, minħabba diversi ċirkostanzi, it-tberik mhux qed isir kollu fi żmien l-Għid, u lanqas għadna noqogħdu t-triq kollha tistenna fil-bieb għassa għal kemm il-kappillan se jdum fit-tali dar jew kemm fadlilna biex neħilsu—ħalli l-gallettini li jħalli l-kappillan fil-platt inkunu nistgħu nindafru fihom aħna—it-tberik huwa istituzzjoni fiċ-ċiklu tas-sena pastorali.

Illum, flok nies jistennew, ġeneralment iktar ikun hemm l-element tas-sorpriża għax, tipprova kemm tipprova, xorta waħda kultant il-messaġġ ma jasalx u allura l-ewwel reazzjoni tkun: “Mela jmissna t-tberik illum? Ma konniex nafu!” Ikun hemm min jinfixel, imma jkun hemm ukoll minn jieħu gost b’din is-sorpriża mhux mistennija. U huwa f’dawn il-mumenti fejn in-nies ma jkunux ippreparati li tkun tista’ tassew tiltaqa’ magħhom, hekk kif inhuma, u twasslilhom il-barka tal-Qawmien.

Nissuġġerilek li tiċċekkja sew meta jmissek tbierek, mhux daqstant biex tittrasforma d-dar f’palazz li fih donnu ma jgħammar ħadd, imma biex tagħmel ċert li tkun hemm, hekk kif int, sabiex meta l-Mulej jiġi jħabbatlek tiftaħlu, tilqgħu u hu wkoll jilqgħek f’qalbu.