Illum ninsew ħidmietna …

Wieħed mill-innijiet li ġieli jitkantaw fil-bidu tal-quddiesa tal-Ħadd huwa Jum il-Mulej, li jiftaħ bil-frażi ċelebri:

Illum ninsew ħidmietna

ħa nfaħħru lill-Mulej

Nammetti li, waqt li nkun qed inkanta dan il-kliem, kważi jaqbadni d-daħq u nħossni xi ftit ipokrita għax, ngħiduha kif inhi, mhumiex biss dawk li jkollhom jaħdmu l-Ħadd biex oħrajn igawdu jew ikunu komdi, jew dawk li xogħolhom hu indispensabbli bħal fil-qasam mediku, li  ma jinsewx ħidmiethom il-Ħadd. Saret diffiċli għalina lkoll li ninsew ħidmietna f’Jum il-Mulej: emails li jibqgħu xorta waħda jaslu; telefonati tax-xogħol; xogħol tad-dar li, wara ġimgħa xogħol, xi darba jrid isir, l-iktar jekk is-Sibt tagħmel xi ġurnata maltemp!

Qabel—u hekk suppost għadha, niftiehmu—ridt titlob lill-kappillan jagħtik dispensa biex jippermettilek tagħmel xi biċċa xogħol urġenti. Imma, ħlief forsi għal xi wħud skruplużi, il-kappillani ma tantx ikollhom kjuwijiet jistennewhom biex jitolbuhom permess ħalli jkunu jistgħu jibqgħu għaddejjin bir-rankatura. Din ġiet ukoll awmentata b’numru ta’ nies li qegħdin jaħdmu mid-dar li, għalkemm fiha l-vantaġġi tagħha, b’mod partikolari fejn hemm tfal żgħar jew problemi ta’ saħħa, ħolqot diffikultajiet oħra prattiċi għax, tassew, ma tistax tgħid li ħriġt mill-post tax-xogħol u tħalli kollox warajk (u lanqas bil-kontra, jiġifieri li l-problemi tad-dar ma teħodhomx miegħek ix-xogħol).

Barra s-sejħa għall-quddiesa tal-Ħadd—li minnha nnifisha diġà hija ksur tar-rutina ta’ kuljum sabiex ninġabru flimkien bħala komunità biex infaħħru lill-Mulej—mal-aħħar tislima tal-qassis, “Morru fil-paċi ta’ Kristu,” aħna nwieġbu, “Irroddu ħajr lil Alla,” għax suppost il-bqija ta’ dik il-ġurnata—jew dak kollu li ġie qabel għal min jippreferi jagħlaq il-ġurnata bil-quddiesa—huwa kontinwazzjoni tal-gratitudni li jeħtieġ nuru lejn Alla għad-don tal-ħajja, għad-don tal-fidi, u għad-don li rċevejna permezz tal-Kelma u l-Ewkaristija. Mhux ta’ b’xejn li t-tieni strofa tal-istess innu tgħid hekk:

Mulej, minn ġewwa dari,

mill-ġonna fejn nistrieħ

illum nixtieq infaħħruk

ta’ dawn il-ħwejjeġ sbieħ.

Bħal donnu f’dawn il-versi nesprimu x-xewqa tagħna li ngħaqqdu anke l-mistrieħ tagħna u l-ħajja kollha tagħna ma’ din l-għanja ta’ tifħir ta’ Jum il-Mulej. Għalfejn? Għax:

Bħal-lum fuq mewt setgħana

Kristu ħareġ rebbieħ.

Huwa biss jekk nagħtu l-wisa’ għal dan il-ferħ tal-Qawmien f’Jum il-Mulej, il-Ħadd, li jkun possibbli li l-jiem l-oħra tal-ġimgħa ngħixuhom fl-istess ferħ u tama li żżommna għaddejjin minkejja kollox.