X’jaħbat il-Frott tal-Ispirtu?

Hekk kif ninsabu fiż-żmien bejn iċ-ċelebrazzjoni tal-Għid Imqaddes u Għid il-Ħamsin, meta nfakkru l-qawmien tal-Mulej mill-mewt u l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-ewwel dixxipli bħala t-twettiq fil-milja tagħha tal-wegħda ta’ Kristu Rxoxt, xtaqna li nieqfu ftit fuq aspetti tat-tagħlim dwar il-ħidma tal-Ispirtu Qaddis ta’ Alla fil-ħajja tal-Knisja u tagħna personali.

Fil-lezzjonijiet tal-katekeżi bi tħejjija għall-Griżma tal-Isqof żgur li f’xi punt jew ieħor kellna nitgħallmu bl-amment is-seba’ doni tal-Ispirtu s-Santu, meħudin mill-Ktieb tal-Profeta Isaija (ara 11, 1-2). Għadni nisma’ f’widnejja l-kantaliena li biha konna ngħiduhom u li naħseb għenet biex għadni niftakarhom sal-lum. Imma qatt ma niftakar li semmewlna (bl-enfasi fuq ma niftakarx) il-frott tal-Ispirtu li jitkellem dwaru San Pawl fl-Ittra tal-Galatin: “l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan” (ara 5, 22-23). Il-Knisja meta tagħti l-lista ta’ dan il-frott tal-Ispirtu timxi mal-verżjoni tal-Vulgata li telenka tnax-il frott tal-Ispirtu (naħseb li xi forma ta’ buy 9, get 3 free).

Jista’ jkun li ma tantx smajna dwarhom għax diġà kienet kedda li nitgħallmu s-seba’ doni, aħseb u ara tnax! Imma l-vantaġġ tagħhom hu li, kif jgħallem il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika:

Il-frott tal-Ispirtu huma l-perfezzjonijiet li jsawwar fina l-Ispirtu s-Santu bħala l-bidu tal-glorja ta’ dejjem. It-Tradizzjoni tal-Knisja ssemmi tnax: l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, il-manswetudni, il-modestja, ir-rażan, is-safa (ara Gal 5,22-23 Vulg.).

Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, par. 1832

U allura, iktar milli niftakruhom, iktar hu meħtieġ li qalbna tkun miftuħa sabiex l-Ispirtu s-Santu jkun jista’ jimmatura dan il-frott fil-qalb tagħna biex permezz tiegħu nixbgħu aħna u jixbgħu dawk li naqsmu ħajjitna magħhom.

Fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu qegħdin nirriflettu fuq dawn il-frott tal-Ispirtu li jikkontrastaw bil-kbir kontra dak li joħroġ mill-egoiżmu u l-kilba bla lġiem tan-natura midinba tagħna. U se nirriflettu fuqhom sabiex insiru iktar konxji tal-ħidma li l-Ispirtu jwettaq fina u bina li twassal għall-frott sakemm nibqgħu mqabbdin mad-dielja li hi Kristu (ara Ġw 15, 1-17).