Itlob bil-Kelma: il-Lectio Divina

It-tradizzjoni Nisranija għandha ħafna modi ta’ talb permezz tal-Bibbja. Fost il-metodu mill-iktar antiki nsibu l-Lectio Divina li żviluppa fi ħdan il-moviment monastiku. Dan il-metodu jikkonsisti f’erba’ tappi:

  • Lectio – il-mument ta’ talb jibda permezz tal-qari ta’ xi test mill-Bibbja u nfittxu li nifhmu x’qiegħed jgħid dan it-test fih innifsu, u mhux sempliċiment x’naħseb jien li qed jgħid u hekk nispiċċa nibqa’ fejn jien. Hawnhekk tajjeb li nsibu ftit għajnuna minn xi kummentarju bibliku tajjeb, sew jekk ktieb u sew jekk minn xi sit Kattoliku fuq l-internet.
  • Meditatio – wara li nifhem it-test fih innifsu mbagħad ngħaddi għall-meditazzjoni, fejn inħalli dan it-test ikellimni llum, issa, lili, ukoll jekk tant sekli wara. Hawnhekk nistaqsi mistoqsijiet bħal: Dan it-test x’qiegħed jgħid lili? Fejn qiegħed jinkoraġġini u jsaħħaħni? Fejn qiegħed jisfidani u jħeġġiġni biex ninbidel?
  • Oratio – wara li nħallu lil Alla jkellimna personalment permezz tal-Kelma tiegħu ngħaddu mbagħad għal dak li aħna nixtiequ ngħidu lil Alla bħala tweġiba. Hawnhekk it-talb jista’ jieħu ħafna forom—ringrazzjament, nitlob għal xi grazzja jew nitlob għal xi ħadd—skont ma jkun nebbaħ fija l-Ispirtu.
  • Contemplatio – meta niltaqgħu mal-Mulej ma jistax ikun li nibqgħu l-istess. Permezz tal-kontemplazzjoni aħna nagħrfu liema huma l-ħsibijiet, is-sentimenti u l-azzjonijiet tagħna li jeħtieġ li jiġu trasformati. Nagħrfu nħarsu lejn ir-realtà skont kif jaraha Alla u bil-mod il-mod nibdew naħsbu kif kien jaħseb Ġesù (ara Fil 2, 5). Nagħraf inpoġġi l-għażliet tiegħi fid-dawl tal-Kelma li għadha kemm tħabbritli.

Għalkemm mhuwiex parti mill-proċess formali tat-talb, ħafna drabi nżidu l-ħames tappa ma’ dan il-proċess: l-Actio, fejn il-lectio divina ma tibqax biss eżerċizzju mentali imma twassal għall-azzjoni konkreta fil-ħajja tagħna.

Is-sabiħ ta’ dan l-eżerċizzju ta’ talb huwa li jista’ jsir ukoll bħala grupp u bħala komunità fejn, wara li xi ħadd ifisser it-test, ikun hemm mument ta’ riflessjoni personali u wara jsir qsim ta’ dak li laqat lilna personalment, għall-grupp kollu jew għall-Knisja. Dan il-qsim imbagħad iwassal biex bħala grupp nitolbu flimkien, nagħrfu t-triq ’il quddiem u npoġġuha fil-prattika. Għal aktar tagħrif dwar il-Lectio Divina, tista’ taqra paragrafi 85 u 86 tal-Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali Verbum Domini.