Nimxi ma’ Alla fil-Ġnien tal-Iskrittura

Għajnuna importanti ħafna fit-talb hija bla dubju l-Bibbja. Jekk il-ħbiberija tikkonsisti f’li nsir naf il-persuna l-oħra aħjar u hi ssir taf lili, il-Bibbja (b’mod partikolari l-Evanġelji) huwa l-aħjar post fejn issir taf lil Ġesù—u lil Ġesù l-veru u mhux kif jogħġob lilek. Bl-istess mod, tiskopri wkoll il-mod kif Ġesù jħares lejk u jurik li jħobbok.

Fit-talb permezz tal-Bibbja, mhijiex kwistjoni ta’ kemm se jiġuni ideat brillanti u oriġinali. U lanqas nista’ nifhem is-silta b’mod indipendenti minn kif inftiehmet mill-komunità li fiha tnisslet u lilha tħabbret—il-Knisja—imma hija kwistjoni ta’ kif se nħalli din il-kelma tkellem lili, xi jrid jgħid lili Ġesù llum permezz ta’ din il-kelma, kif din il-Kelma—li għadha tfisser l-istess bħalma kienet tfisser elfejn sena ilu—se titfa’ dawl fuq il-ħajja tiegħi llum. U allura mhijiex riflessjoni dwar Ġesù imma laqgħa ma’ Ġesù permezz ta’ dik il-paġna mill-Evanġelju.

Sant’Ambroġ f’waħda mill-ittri tiegħu jikteb li, “Issa Alla jimxi fil-Ġnien meta naqra l-Iskrittura Mqaddsa,” u jqis il-kotba tal-Bibbja bħala l-Ġnien li fih Alla jippassiġġa magħna llum (Epistula 49.3, PL 16.1154B). U għalhekk, bħala post fejn nitolbu nistgħu wkoll nagħżlu xi post fil-kampanja. In-natura għandha ħabta kif treġġagħna lura fina nfusna u ddaħħalna f’ċerta armonija. Meta nsibu ruħna qalb il-ħolqien għeri u mhux iffullat mill-bini u l-kumplament kollu, huwa iktar faċli li nerfgħu l-ħsieb tagħna lejn il-Ħallieq. Meta nkunu qalb in-natura huwa iktar faċli li nimmaġinaw il-pajsaġġ ta’ żmien Ġesù u iktar faċli wkoll niltaqgħu max-xbihat li nsibu fil-Bibbja bħalma huma s-siġar u l-fjuri, il-baħar u l-mewġ, l-għelieqi u l-ħxejjex. Faċli timmaġina l-parabboli fejn jissemma l-qamħ jew il-ħsad meta tkun viċin ta’ għalqa miżrugħa. Faċli titlob Salm 121, meta tara l-għoljiet fil-bogħod, u ttenni mas-Salmista:

Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet;

mnejn se tiġini l-għajnuna?

L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej,

li għamel is-sema u l-art.

Salm 121, 1-2

Bħalma nsibu fil-ktieb tal-Ġenesi, li Alla kien jinżel jippassiġġa fil-ġnien fejn kien hemm il-bniedem (ara Ġen 3, 8), jew fl-Evanġelji meta naraw lil Ġesù miexi flimkien mad-dixxipli tiegħu, aħna wkoll inkunu nistgħu nesperjenzaw li, tassew, jiena u miexi Ġesù jinsab miexi miegħi!