Il-Liturġija tas-Sigħat … xi tkun?

Barra t-talba tal-quddiesa, il-Knisja għandha wkoll it-talba komunitarja tal-Liturġija tas-Sigħat, li hija t-talba uffiċċjali tal-Knisja fejn, f’ħinijiet differenti matul il-ġurnata, terfa’ leħinha ’l fuq lejn Alla. Primarjament din it-talba tikkonsisti f’salmi u kantiċi (talb mill-Bibbja f’għamla ta’ poeżija) imqassmin fuq ċiklu ta’ erba’ ġimgħat u fuq ħames ħinijiet matul il-jum. Ħafna jaħsbu li l-Liturġija tas-Sigħat, jew il-Brevjar, kif inhi magħrufa b’mod iktar popolari, hija biss għall-qassisin, il-patrijiet, u s-sorijiet. Imma din hija t-talba tal-Knisja kollha. U allura sew jekk tintalab f’komunità u sew jekk tintalab b’mod individwali, it-talba dejjem issir f’isem il-Knisja kollha. Din it-talba hija aċċessibbli mhux biss f’kotba ħoxnin imma wkoll fuq siti differenti fuq l-internet u apps, anke bil-Malti.

F’dawn is-salmi u kantiċi, li rċevejna bħala wirt mingħand awturi li għexu millennji ilu, għandna mhux biss innijiet ta’ tifħir jew ta’ supplika fil-mument tal-ħtieġa. Għandna wkoll emozzjonijiet ferm qawwija—bħalma huma l-biża’, ir-rabja, u l-qtigħ il-qalb—li Alla permezz tal-awturi sagri poġġa għalina fi kliem sabiex hekk aħna wkoll insibu postna f’dan it-talb, hi x’inhi iċ-ċirkostanza tagħna.

Mill-banda l-oħra, anke jekk is-salmi ta’ dakinhar ma jkunux jaqblu mal-burdata tiegħek, dejjem ftakar li mhux qed titlob f’ismek biss: għalkemm int burdata tajba, hemm membri oħra tal-Knisja madwar id-dinja li qed jiġi mġarrba minħabba l-fidi tagħhom f’Alla jew għaddejjin minn mumenti iebsa. F’dawn il-mumenti jista’ jkun li qed tagħti leħen għat-talb li dawn l-individwi jixtiequ jagħmlu imma ma jistgħux minħabba fl-istat emozzjonali tagħhom.

Huma dawn il-mumenti fissi ta’ talb—sew jekk bħala komunità u sew jekk waħedna bħala vuċi tal-istess komunità—jagħmlu possibbli li nitolbu l-ħin kollu, kif ried minna Ġesù. Immaġina ftit: jekk imqar biss nieħdu siegħa waħda ta’ talb, pereżempju l-Għasar (it-Talba ta’ Filgħaxija) li jintalab fi nżul ix-xemx, il-katina tat-talb tal-Knisja mxerrda mad-dinja kollha tibqa’ kontinwament għaddejja. Hu liema ħin hu, il-Knisja, f’parti jew oħra tad-dinja, dejjem qiegħda tgħolli leħinha lejn is-sema fil-vuċijiet ta’ persuni u komunitajiet differenti miġburin f’isem il-Mulej.

Għal aktar tagħrif dwar it-tqassim tal-Liturġija tas-Sigħat ara: Il-liturġija tas-Sigħat: talba tal-qassisin biss?