Il-Quddiesa rutina?!

Jekk inkomplu nesploraw ftit ieħor it-talba tal-quddiesa, faċli niltaqgħu mad-dilemma tar-rutina u r-ripetittività.

Ir-rutina ta’ spiss inħarsu lejha b’mod negattiv, bħal donnu sempliċiment nifhmu xi ħaġa li nagħmluha u nibqgħu nagħmluha mingħajr ma nifhmu jew nagħtu kas għalfejn. U veru! Fejn tidħol il-quddiesa faċli ninqabdu f’dan il-mod ta’ mġiba. Imma r-rutina mhijiex dejjem negattiva. Il-fatt li xi ħaġa saret tagħmel parti mir-ritmu tal-ħajja tagħna turi kemm hija essenzjali, anke jekk mhux dejjem inkunu konxji. Ir-rutina tal-quddiesa ta’ nhar ta’ Ħadd, jew anke ta’ kuljum, tgħallimna li t-talb jitlob fedeltà u impenn, sakemm isir parti mir-ritmu li miegħu tiżfen il-ħajja tagħna.  

Żball li xi kultant nagħmlu huwa li nippretendu minna nfusna u minn kull min imur il-quddiesa li suppost jgħixu ħajja perfetta. Nisimgħuha ta’ spiss l-iskuża li jkun hemm min ma jmurx il-quddies għax jara kuntrast qawwi f’xi persuni bejn l-imġiba ta’ ġewwa u ta’ barra l-knisja. Għalkemm din titfa’ fuqna ċerta responsabbiltà, veru, mill-banda l-oħra ma jfissirx li nibdew immorru l-knisja meta nsiru jew naħsbu li sirna qaddisin imma proprju biex insiru qaddisin! Tal-anqas nitkellem għalija nnifsi, kieku ma kienx hemm dan is-sehem kostanti fil-quddiesa, żgur li kont inkun bniedem agħar!

Meta xi ħaġa tagħmilha ta’ spiss titgħallem ma tgħaddix mingħajrha. Meta xi ħaġa tagħmilha ta’ spiss iddaħħal ukoll sens ta’ dixxiplina li tgħinek timmatura. U l-maturità tfisser responsabbiltà: li nsiru bnedmin li nistgħu niġu fdati. Fil-ħajja, jekk tassew nimmaturaw, ħaddieħor jibda wkoll jafdana iktar. Fil-ħajja tat-talb, iktar ma nimmaturaw, iktar niġu fdati bil-misteru ta’ Alla għax kulma ma jmur iktar nibdew nifhmu kemm hi kbira l-imħabba tiegħu għalina hekk li tassew nagħrfu li ma nistgħux ngħaddu mingħajrha.

It-talb tal-komunità huwa wkoll talb ripetittiv u skematiku ħafna, u allura forsi xi kultant ma nifhmux il-bżonn tiegħu. Il-quddiesa ma nsibuhiex interessanti, forsi wkoll għax ma nfittxux li nifhmu s-simboli u l-kliem u l-ġesti. Il-mistoqsija oħt il-għerf! Fittex u staqsi. Ma jimpurtax billi xi minn daqqiet il-mistoqsija tkun ukoll kuġina tal-fitta, imma jimporta ħafna li nifhmu mqar l-iċken simboli li jgħinuna nieħdu sehem aħjar fil-quddiesa, li hija l-għajn u l-quċċata tal-ħajja Nisranija!