Iz-Zuntier: Ċimiterju jew Misraħ?
Mal-kliem, “Morru fil-paċi ta’ Kristu,” u l-ewwel noti tal-innu tal-għeluq, jibda l-moviment ’il barra tal-ġemgħa li nġabret biex tqim flimkien lil Alla, tisma’ Kelmtu u tieħu sehem mill-misteru tal-fidwa permezz tas-sagrifiċċju Ewkaristiku. U, xħin toħroġ mill-Knisja, sakemm ma toħroġx mill-bibien tal-ġnub jew xi bieb moħbi fis-sagristija li jagħti għal xi sqaq, ġeneralment issib ruħek fuq iz-zuntier. Għalkemm il-ħajja hija mgħaġġla, ġeneralment il-Ħadd jippermettilna ftit nifs hekk li nieqfu fuq iz-zuntier biex ngħidu kelma.
Iz-zuntier huwa l-post fejn iseħħu ħafna avvenimenti bħalma huma l-ħruġ tal-vari fil-festi u l-aħħar tislima wara l-funeral qabel il-katavru jittieħed lejn iċ-ċimiterju. Iz-zuntier huwa wkoll il-post tal-laqgħa, il-post tal-ġemgħa imma, differenti mill-knisja fuq ġewwa, huma l-post fejn il-mandat tal-Ite missa est jeħtieġ li nibdew ngħixuh. Forsi mhux dejjem tista’ tagħti tort lil min igerger dak il-ħin fuq kemm dam jgħid il-qassis, jew kemm stunaw tal-kant, jew kemm kienet sħana fis-sajf. Imma, mill-banda l-oħra, kultant għandna ħabta kif miz-zuntier stess nibdew ma ngħixux il-mandat missjunarju li jibgħatna naqsmu l-ferħ tal-laqgħa ma’ Kristu ħaj. U, flok iservi ta’ misraħ, iz-zuntier iservi ta’ ċimiterju.
Mhux wisq snin ilu, id-dfin kien isir mhux biss fiċ-ċimiterji ’l barra mill-abitat (u li llum spiċċaw fil-qalba tal-abitat) imma wkoll fil-kripta tal-Knisja, bħal pereżempju fil-parroċċa ta’ Ħal Għaxaq fejn id-dħul għall-kripta hu mill-ġenb taz-zuntier, jew bħal fil-knisja ta’ San Girgor, iż-Żejtun, fejn iċ-ċimiterju tar-raħal magħmul minn tliet taqsimiet idawwar il-knisja kważi minn kull naħa, bħal donnu zuntier-ċimiterju. Eżempji bħal dawn insibuhom f’postijiet oħra. Fil-fatt, l-istess etimoloġija tal-kelma zuntier jidher li għandha din it-tifsira għax ġejja mill-kelma Sqallija “zimmiteri,” u anke fid-dizzjunarju mill-Malti għall-Ingliż ta’ Aquilina nsibu anke l-varjant antik ‘zimtier’.
F’ħafna mill-knejjes tagħna z-zuntier huwa pjattaforma ogħla u taraġ li jerfa’ lill-bniedem ’il fuq sabiex joħloq id-distinzjoni bejn il-profan u s-sagru. Mill-banda l-oħra, f’ħafna rħula z-zuntier huwa parti organika tal-misraħ, bħal pereżempju f’Ħaż-Żebbuġ jew ir-Rabat, għax litteralment hu fl-istess livell tat-triq u l-pjazza hekk li mhux dejjem tkun ċara d-distinzjoni fejn jibda wieħed u jispiċċa l-ieħor għajr forsi għal xi bollards biex ma jidħlux karozzi bla permess. Interessanti hu li l-kelma misraħ għandha l-istess għerq s-r-ħ li minnu joħorġu kliem bħal mistrieħ u serraħ. Il-mistrieħ huwa parti mill-mod kif ngħixu l-Ħadd bħala Nsara, bħalma Alla straħ fis-seba’ jum tal-ħolqien u ta ħajja ġdida fl-ewwel jum tal-ġimgħa. Fil-fatt, fl-Ittra Appostolika Dies Domini, San Ġwanni Pawlu II jikteb hekk:
Bil-mistrieħ tal-Ħadd il-ħsibijiet u l-ħidmiet ta’ kuljum jistgħu jidhru fil-verità proprja tagħhom: il-ħwejjeġ materjali li jinkwetawna jċedu posthom għall-valuri spiritwali; f’laqgħat u fi djalogu hieni nkunu nistgħu naraw il-wiċċ veru tan-nies li magħhom qed ngħixu. Il-ġmiel ukoll tan-natura—spiss imħassar bil-ħsieb tal-isfruttament, li jispiċċa biex ikun ta’ ħsara għall-bniedem innifsu—nerġgħu nagħrfuh u ngawduh sewwa.
San Ġwanni Pawlu II, Ittra Appostolika dwar il-Jum tal-Ħadd u l-Jum tal-Mulej, Dies Domini (31 ta’ Mejju 1998), par. 67.
U għalhekk, eżatt kif nirfsu mill-għatba tal-Knisja ’l barra niġu kkonfrontati b’din l-għażla dwar kif se nġib ruħi fuq iz-zuntier u kif se nkompli ngħix mal-istess komunità ta’ fidi ’l barra mill-ħitan-swar tal-knisja: zuntier bħala ċimiterju jew zuntier bħala misraħ?