Kif ser nitlob?

Għalkemm il-metodu tat-talb mhuwiex l-iktar ħaġa essenzjali, imma aħna bnedmin konkreti, tad-demm u l-laħam, u, jekk irridu li tassew nitolbu u mhux sempliċiment taparsi nitolbu, it-talb ser ikollu espressjoni konkreta: ser jieħu forma konkreta, iseħħ f’ħin speċifiku, f’post partikolari, fi żmien speċifiku u f’sitwazzjonijiet partikolari tal-ħajja tagħna. Qisu xi ftit bħall-ikel: mhux kulħadd iħobb jiekol l-istess affarijiet u mhux kulħadd jgħodd għalih l-istess ikel, imma, ftit jew ħafna, spiss jew inqas frekwenti, platti elaborati jew ikliet sempliċi, hu x’inhu, ilkoll għandna bżonn nieklu u ma ngħixux mingħajr ma nieklu!

Fl-Evanġelju nsibu li Ġesù wera lid-dixxipli tiegħu “li għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu” (Lq 18, 1). Xi jfisser dan? Li ma għandhom jagħmlu xejn iktar ħlief jitolbu? Żgur li le! Ġesù ma tantx kien iħeġġeġ l-għażż, anzi ried li dawk li jemmnu fih ixammru l-kmiem u jmiddu jdejhom għax-xogħol. Allura x’ried jgħid Ġesù?

It-talb mhuwiex kwistjoni biss ta’ mumenti iżolati imma huwa attitudni u stil ta’ ħajja. Ġesù jrid jurina li fil-mumenti kollha tal-ħajja tagħna, f’ħinijiet differenti, huma x’inhuma ċ-ċirkostanzi u l-esperjenzi li għaddejjin minnhom, nagħmlu x’nagħmlu, dan kollu ngħixuh bħala ħbieb tiegħu. Allura l-iktar mod sempliċi kif nitlob huwa li f’ħinijiet differenti tal-ġurnata, qabel nibda jew waqt li qed nagħmel xi ħaġa, nerfa’ l-ħsieb tiegħi lejn is-sema, u nitlob l-għajnuna, kif nitlob lil sħabi jgħinuni. Hekk ukoll, bl-istess mod, nitkellem ma’ Ġesù bħalma nitkellem ma’ sħabi: fuq dak li jogħġobni u dak li jdejjaqni, dak li jferraħni u dak li jagħmilli qalbi sewda, dak li noħlom li nagħmel jew li nibża’ minnu. Titlob billi tiftaħ qalbek ma’ Ġesù! Sempliċi daqshekk!

Anzi, fit-talb jaf tkun ftit iktar sempliċi għax (barra li, veru, ħadd ma jmerik direttament!) hemm libertà ħafna ikbar minn meta qed titkellem ma’ nies li forsi għandhom il-preġudizzji u l-opinjonijiet tagħhom. It-talb huwa l-antidotu għall-esperjenza tas-solitudni li lkoll ngħaddu minna għax bit-talb inġarrbu li anke hemmhekk, fis-solitudni, Ġesù jiġi jsibni u jismagħni.