L-għaqda tirbaħ fuq il-kunflitt

Il-kunflitti huma parti mill-ħajja. Iżda hemm modi differenti kif nistgħu nġibu ruħna. Nistgħu nippruvaw ninjorawh u nibqgħu għaddejjin daqslikieku mhu jiġri xejn. Nistgħu nagħżlu li nidħlulu bir-ras biċ-ċans li niqgħu maqbudin fih u ninħakmu mid-delużjoni. Imma nistgħu wkoll nagħżlu li nħarsu lejn u nsejħulu b’ismu u nfittxu modi kif dan il-kunflitt jissewwa. Hawnhekk, il-Papa Franġisku f’Evangelii Gaudium jipproponi t-tieni prinċipju soċjali: l-għaqda tirbaħ fuq il-kunflitt

B’dan il-mod, tinħoloq il-possibbiltà li tixxettel komunjoni fid-differenzi, li jħabirku għaliha biss dawk il-persuni nobbli li għandhom il-kuraġġ imorru lil hemm mill-qoxra tal-kunflitti u jqisu lill-oħrajn bid-dinjità l-iżjed profonda tagħhom … Is-solidarjetà, jekk nifhmuha fit-tifsira l-iżjed profonda tagħha li tisfidana, hekk issir stil ta’ kif tinbena l-istorja, ambjent ħaj fejn il-kunflitti, it-tensjonijiet u l-opposti jistgħu jaslu għal għaqda ta’ bosta forom li ġġib ħajja ġdida. 

Evangelii Gaudium, Par. 228

Dan ma jfissirx li nfittxu li ngħaqqdu u nħalltu flimkien kulturi jew twemmin u lanqas li parti tassorbi lill-oħra, imma li flimkien insibu triq ’il quddiem minkejja li ċerti elementi huma f’kuntrast ma’ xulxin. Dan il-kriterju joħroġ mill-paradoss tal-persuna ta’ Kristu stess li fih innifsu ġabar fih dak li hu tas-sema u dak li hu tal-art, l-umanità u d-divinità, iż-żmien u l-eternità. Ukoll, Kristu li wara l-qawmien isellem lid-dixxipli bit-tislima tal-paċi.

Imma jekk ninżlu fil-fond ta’ dawn it-testi Bibliċi, niskopru li l-ewwel post li fih aħna msejħin naslu għal din il-paċi minkejja d-differenzi hu l-ġewwieni tagħna nfusna, il-ħajja tagħna, dejjem mhedda mit-tifrik u l-qsim.  Bi qlubna maqsuma f’elf biċċa jkun diffiċli nibnu paċi soċjali li tkun awtentika.

Evangelii Gaudium, Par. 229

Ieqaf u aħseb

  • Kif naħdem għall-paċi anke fi ħdan il-komunità? Sempliċiment b’negozjati jew mill-konvinzjoni li l-Ispirtu jrid inissel l-għaqda fostna minkejja d-differenzi?
  • Inħalli d-diversità ma tibqax ostaklu imma tidħol fi proċess ta’ rikonċiljazzjoni?