L-hena u t-tama tal-bnedmin tal-lum huma wkoll tad-dixxipli ta’ Kristu
L-aħħar wieħed mill-erba’ kostituzzjonijiet ewlenin tal-Konċilju Vatikan II li se nagħtu titwila lejh bi tħejjija għall-Ġublew tal-2025 huwa Gaudium et Spes. Huwa l-itwal dokument tal-Konċilju u l-aħħar li ġie ppublikat, u l-ewwel dokument ta’ Konċilju fl-istorja tal-Knisja li hu indirizzat lid-dinja kollha għax fih il-Knisja tesprimi x-xewqa li tiddjaloga mal-familja umana, billi tuża l-lingwa komuni ta’ mħabba lejn l-identità umana:
L-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tal-bnedmin tal-lum fuq kollox tal-foqra u ta’ dawk kollha li jbatu, huma wkoll il-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tad-dixxipli ta’ Kristu, u ma hemm ebda ħaġa li hi tassew tal-bniedem li huma wkoll ma jħossuhiex f’qalbhom.
Gaudium et Spes, par. 1
Il-persuna umana hija l-“punt ta’ kuntatt” bejn it-tħassib tal-Knisja u dak tad-dinja. Peress li kemm is-segwaċi ta’ Kristu u anke dawk li mhumiex jaqsmu l-istess tamiet, ferħ, diffikultajiet, ansjetajiet, il-Knisja turi l-imħabba u s-solidarjetà tagħha billi tindirizza dawn it-temi biex trawwem fost sens ta’ fraternità u għajnuna vera bejn il-bnedmin.
F’dan id-dokument il-Konċilju jħares lejn il-bnedmin fl-isfond taż-żmien li fih qegħdin jgħixu, immarkat minn bidliet kbar u mgħaġġlin mad-dinja kollha frott l-intelliġenza u l-ħidma kreattiva tal-bnedmin li wasslu għal żviluppi, b’mod speċjali fil-qasam tal-komunikazzjoni soċjali, imma wkoll għal sfidi ġodda għax jaffettwa d-deċiżjonijiet, kemm individwali u kemm kollettivi, u l-imġiba fir-relazzzjonijiet mad-dinja tal-madwar u tal-bnedmin bejniethom.
It-tibdil fil-mentalità u fl-istrutturi spiss iġib miegħu kwistjonijiet dwar il-valuri tradizzjonali l-aktar fost iż-żgħażagħ li, xi drabi, isiru ribelli għax ma jħossuhomx kuntenti u integrati fil-ħajja soċjali, waqt li jitħabtu sabiex jiksbu mill-aktar fis posthom fiha. Minħabba f’hekk il-ġenituri u l-edukaturi jsibu ruħhom f’diffikultajiet akbar fil-qadi ta’ dmirijiethom. L-istituzzjonijiet, il-liġijiet, il-modi ta’ ħsieb u ta’ sentimenti li ntirtu mill-imgħoddi mhux dejjem jaddattaw ruħhom sewwa għall-qagħda tal-lum.
Bidla hekk mgħaġġla, u l-kuxjenza nnifisha li ħafna ħwejjeġ ma jaqblux bejniethom fid-dinja, iqajmu kontradizzjonijiet u nuqqasijiet ta’ ekwilibriju. Fil-familja mbagħad iqumu t-tensjonijiet sew mit-toqol tal-kondizzjonijiet soċjali u ekonomiċi. Minn hawn jiġu n-nuqqas ta’ fiduċja u ta’ ħbiberija, ġlied u mrar, li tagħhom il-bniedem huwa fl-istess ħin kawża u vittma.
Sadattant qed tikber il-persważjoni li l-bnedmin mhux biss jistgħu u għandhom isaħħu aktar setgħethom fuq il-ħolqien imma li hu wkoll xogħolhom li jibnu ordni politiku, soċjali, u ekonomika li jaqdi aħjar il-bniedem. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dinja llum tidher fl-istess ħin qawwija u dgħajfa, kapaċi tagħmel l-aħjar u l-agħar, tinfetaħ it-triq tal-ħelsien jew tal-jasar, tal-progress jew tar-rigress, tal-imħabba jew tal-mibegħda.
Tabilħaqq in-nuqqas ta’ bilanċ li nsibu fid-dinja huwa magħqud ma’ dak in-nuqqas ta’ ekwilibiriju iżjed fundamentali li għandu għeruqu fil-qalb tal-bniedem. U dan għaliex, waqt li minn naħa waħda bħala ħlejqa jħoss li għandu ħafna limitazzjonijiet, min-naħa l-oħra jħoss li m’hemmx limiti għax-xewqat tiegħu. Miġbud minn ħafna xewqat, huwa dejjem imġiegħel jagħżel xi waħda minnhom u jiċċaħħad mill-oħrajn.
Il-Knisja temmen li Kristu, li miet u rxoxta għal kulħadd (ara Kor 5,15), jagħti lill-bniedem, permezz tal-Ispirtu tiegħu, dawl u qawwa biex iwieġeb għall-ogħla sejħa tiegħu; u m’hemmx isem ieħor mogħti lill-bniedem li bih jista’ jsalva (ara Atti 4,12).
Gaudium et Spes, par. 10
Għaldaqstant, il-Knisja tagħti ħarsa lejn is-“sinjali taż-żminijiet” dejjem fid-dawl tal-Evanġelju biex tara fejn dawn il-bidliet u trasformazzjonijiet li qed jseħħu fid-dinja tal-lum qed ikollhom implikazzjonijiet morali, soċjali u reliġjużi. Il-Knisja tixxennaq biex tara l-umanità tgħix ħajja sħiħa u kuntenta denja tan-natura li għaliha hija maħluqa, u temmen li ċ-ċavetta biex tinħall din l-għoqda tinsab f’Ġesù Kristu.