Il-Knisja u s-Sejħa tal-Bniedem

L-ewwel taqsima tad-dokument Gaudium et Spes tħares lejn il-Knisja fil-konfront tas-sejħa tal-bniedem:

Il-Poplu ta’ Alla, imqanqal mill-fidi li biha jemmen li huwa mmexxi mill-Ispirtu tal-Mulej li jimla l-univers kollu, ifittex li  jilmaħ fil-ġrajjiet, fl-esiġenzi u fix-xewqat li jaqsam mal-bnedmin l-oħra ta’ żmienna liema huma tassew is-sinjali tal-preżenza u tal-pjanijiet ta’ Alla. Għax il-fidi ddawwal kollox b’dawl ġdid u turi x’għandu f’moħħu Alla dwar is-sejħa sħiħa tal-bniedem, u għalhekk tmexxi l-intelliġenza lejn soluzzjonijiet għal kollox umani.

Gaudium et Spes, par. 11

Dawk li jemmnu u dawk li ma jemmnux x’aktarx ilkoll jaqblu illi kulma hawn fuq l-art kollox iħares lejn il-bniedem bħala ċ-ċentru u l-ogħla pont tiegħu. Imma x’inhu l-bniedem? Huwa fisser u għadu jfisser ħafna fehmiet fuqu nnifsu, uħud differenti, oħrajn ukoll kuntrarji, li bihom bosta drabi jew jogħla tant li jagħmel lilu nnifsu regola assoluta, jew jitniżżel sal-qtigħ il-qalb u hekk jispiċċa fid-dubju u fl-ansjetà. Il-Knisja tħoss dawn id-diffikultajiet u tista’ tagħti għalihom tweġiba li teħodha mit-tagħlim tar-rivelazzjoni ta’ Alla.

Għad li minn Alla tqiegħed fi stat ta’ qdusija, ittantat mill-Ħażen ippersonifikat, il-bniedem abbuża mil-libertà tiegħu billi qam kontra Alla u xtaq li jilħaq l-iskopijiet tiegħu barra minn Alla. Il-bnedmin, għad li kienu għarfu ’l Alla, ma tawhx il-ġieħ li kien jistħoqqlu bħala Alla, il-qalb tagħhom bħal iddallmet, u għażlu li jaqdu l-ħlejjaq maħluqa iżjed milli lil Dak li ħalaqhom.

Il-bniedem, magħmul minn ruħ u ġisem, “jiġbor fih innifsu, minħabba l-istess kondizzjoni korporali tiegħu, l-elementi tad-dinja materjali u hekk dawn, permezz tiegħu, jaslu fil-quċċata tagħhom u jiksbu leħen biex ifaħħru fil-libertà lil Dak li ħalaqhom” (par. 14). Għalhekk, meta jagħraf li għandu ġo fih ruħ spiritwali u immortali ma jkunx qed jilludi ruħu b’xi ħlieqa falza iżda, għall-kuntrarju, ikun wasal għall-essenza tal-verità tar-realtà maħluqa.

Il-bniedem jaf li bl-intelliġenza tiegħu għandu sehem mid-dawl tal-intelliġenza ta’ Alla. Imma l-intelliġenza mhux dejjem tiġi użata għat-tajjeb ħtija tad-dnub.

Żmienna għandu bżonn tal-għerf aktar minn żminijet oħra sabiex is-sejbiet isiru aktar umani. Bid-don tal-Ispirtu s-Santu, il-bniedem jista’ jasal bil-fidi biex jikkontempla l-misteru  tal-pjan ta’ Alla u jitgħaxxaq bih. U dan għaliex:

Fil-fond tal-kuxjenza tiegħu l-bniedem jagħraf liġi li ma jagħtihiex hu lilu nnifsu, imma li huwa għandu jobdi, u l-leħen tagħha, li dejjem jgħidlu biex iħobb u jagħmel it-tajjeb u jaħrab il-ħażin, meta jeħtieġ jgħidlu ċar ġo qalbu; agħmel dan, aħrab dak. Il-bniedem għandu tassew liġi miktuba minn Alla f’qalbu. Il-kuxjenza hija ċ-ċentru l-aktar moħbi tal-bniedem u s-santwarju fejn hu jinsab waħdu ma’ Alla, u fejn il-leħen ta’ Alla jinstama’ ġo fina.

Gaudium et Spes, par. 16

Imma l-bniedem jista’ jimxi lejn dak li hu tajjeb biss fil-libertà, dik il-libertà li l-bnedmin tal-lum tant jagħtuha valur u jfittxu bil-ħerqa. Iżda ħafna drabi jikkultivawha b’mod ħażin bħallikieku huwa tajjeb tagħmel kollox, imqar il-ħażin, basta jintogħġob. Il-vera libertà, għall-kuntrarju, hija sinjal mill-iktar għoli tax-xbieha ta’ Alla fih.

Alla sejjaħ u jsejjaħ il-bniedem biex jingħaqad miegħu, bin-natura sħiħa tiegħu, f’għaqda għal dejjem mal-ħajja tiegħu divina li qatt ma titħassar. Kristu kiseb din ir-rebħa meta qam mill-mewt, wara li bil-mewt tiegħu ħeles mill-mewt il-bniedem.

L-ogħla raġuni tad-dinjità tal-bniedem qiegħda fis-sejħa tiegħu biex jikkomunika ma’ Alla. Din is-sejħa li Alla jagħmel lill-bniedem biex jiddjaloga miegħu bdiet mal-ħolqien tal-bniedem għax, jekk il-bniedem jeżisti, huwa jeżisti biss minħabba l-fatt li Alla ħalqu għax iħobbu u jżommu ħaj għax jibqa’ dejjem iħobbu.

Ħafna min-nies ma jagħrfux din ir-rabta vitali u intima ma’ Alla jew jiċħduha b’mod espliċitu. L-ateiżmu illum ħafna drabi jidher f’sura sistematika li, barra milli ġġib raġunijiet oħra kontra l-eżistenza ta’ Alla, tant tgħolli x-xewqa tal-bniedem għall-indipendenza li tqajjem diffikultajiet kontra kull dipendenza minn Alla. Dawk li jħaddnu l-ateiżmu jippretendu li l-libertà tikkonsisti f’li l-bniedem huwa għan fih innifsu u allura jfassal hu l-istorja tiegħu. Il-Knisja teħodha kontra dawn il-modi ta’ ħsieb għax, b’fedeltà għad-dmirijiet tagħha lejn Alla u lejn il-bnedmin, ma tistax ma tirreżistix dak it-tagħlim li jbaxxi l-bniedem mill-kobor li għandu. U dan tagħmlu billi bla tlaqliq tistqarr li:

Fil-fatt il-misteru tal-bniedem jiddawwal tassew biss fil-misteru tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem.

Gaudium et Spes, par. 22