X’jifhem il-Konċilju bil-Komunità tal-Bniedem

Id-djalogu ta’ aħwa bejn il-bnedmin ma jilħaqx il-perfezzjoni f’dan il-progress imma aktar fil-fond, fil-komunità tal-bnedmin illi titlob rispett reċiproku għad-dinjità spiritwali sħiħa tagħhom. Ir-rivelazzjoni Nisranija tagħti għajnuna kbira biex tmexxi ’l quddiem din l-għaqda bejn il-bnedmin u fl-istess ħin twassalna biex nifhmu aħjar il-liġijiet tal-ħajja soċjali li Alla li ħalaqna kiteb fin-natura spiritwali u morali tagħna.

Fil-viżjoni li jippreżenta l-Konċilju f’Gaudium et Spes,

Alla, li bħal Missier jieħu ħsieb ta’ kulħadd, ried li l-bnedmin kollha jagħmlu familja waħda u jittrattaw lil xulxin b’qalb ta’ aħwa. Għaliex, maħluqin ilkoll għax-xbieha ta’ Alla li “minn bniedem wieħed għamel li l-ġens kollu tal-bnedmin, biex jgħammru fuq wiċċ l-art” (Atti 17,26), huma msejħin għal fini wieħed u l-istess, jiġifieri għal Alla nnifsu.

Gaudium et Spes, par. 24

Min-natura soċjali tal-bniedem jidher ċar li l-iżvilupp tal-persuna umana u tal-istess soċjetà jiddependu minn xulxin għax il-bidu, is-suġġett, u l-għan tal-istituzzjonijiet soċjali kollha huma l-persuna umana li, minnha nnifisha, teħtieġ għalkollox il-ħajja soċjali. Il-ħtieġa u l-għarfien li l-bnedmin għandhom ta’ xulxin trid twassal għat-tfittix tal-ġid komuni, jiġifieri “l-ġabra ta’ dawk il-kundizzjonijiet tal-ħajja soċjali li jippermettu kemm lill-għaqdiet kemm lill-membri wieħed wieħed li jiksbu l-perfezzjoni tagħhom aktar sħiħa u aktar malajr” (Gaudium et Spes, par. 26)

Il-Konċilju jisħaq fuq ir-rispett bejn il-bniedem: kull wieħed għandu jqis lill-għajru, mingħajr ebda eċċezzjoni, bħalu nnifsu kif ukoll jieħu ħsieb ta’ ħajtu biex jgħixha sewwa, li ma jagħmilx bħal dak l-għani li ma impurtah xejn mill-fqir Lazzru (ara Lq 16, 19-31). Ir-rispett u l-imħabba għandhom jintwerew ukoll lil dawk li fi ħwejjeġ soċjali, politiċi, jew ukoll reliġjużi, ma jaqblux magħna fil-ħsieb jew fl-azzjoni.

Il-bnedmin kollha, imżejnin b’ruħ u maħluqin xbieha ta’ Alla, għandhom l-istess natura u l-istess oriġini u, mifdijin minn Kristu, għandhom l-istess sejħa u destinazzjoni divina. Għalhekk għandha tkun rikonoxxuta dejjem aktar l-ugwaljanza fundamentali bejn il-bnedmin kollha.

Kif Alla ħalaq il-bnedmin mhux biex jgħixu kulħadd għalih imma biex jagħmlu l-għaqda soċjali, hekk ukoll għoġbu jqaddes u jsalva l-bnedmin mhux wieħed wieħed, mingħajr ebda rabta ma xulxin, iżda ried jagħmel minnhom poplu li jagħrfu fil-verità u jservih bil-qdusija. Kien għalhekk li Alla beda jwettaq dan billi għażel għalih poplu li miegħu mbagħad għamel patt fuq is-Sinaj (ara Eż 24, 1-8).

Bil-ħidma tiegħu fl-univers, il-bniedem ifittex dejjem li jiżviluppa ħajtu bix-xogħol u d-dehen tiegħu. Imma llum, l-aktar bl-għajnuna tax-xjenza u tat-teknika, il-bniedem qed ikabbar il-ħin kollu l-ħakma tiegħu fuq in-natura. Megħjuna fuq kollox mit-tkattir tal-mezzi ta’ komunikazzjoni ta’ kull xorta, il-familja bil-mod il-mod waslet biex tagħraf lilha nnifisha u tifforma ruħha komunità waħda fid-dinja kollha.

Il-bniedem, meta jaħdem, mhux biss ibiddel il-ħwejjeġ u s-soċjetà imma jipperfezzjona wkoll lilu nnifsu. Jitgħallem ħafna ħwejjeġ, jiżviluppa l-fakultajiet tiegħu, joħroġ barra minnu nnifsu u ’l fuq minnu nnifsu. Jekk nifhmuh sewwa, dan l-iżvilupp jiswa aktar mill-ġid materjali li jista’ jinkiseb. Meta jagħmel hekk, il-bniedem, skont il-pjan u r-rieda ta’ Alla” ikun qed iwieġeb għall-ġid tassew tal-umanità u hekk, kemm bħala individwu kemm bħala membru tas-soċjetà, jsegwi u jilħaq is-sejħa sħiħa tiegħu.

Ħafna min-nies ta’ żmienna donnhom jibżgħu li mir-rabta aktar qawwija bejn il-ħidma tal-bnedmin u r-reliġjon tixxekkel l-awtonomija tal-bnedmin, jew tax-xjenza, jew tal-għaqdiet. Imma l-Iskrittura Mqaddsa, li magħha taqbel l-esperjenza tas-sekli, tgħallem lill-familja tal-bnedmin li l-progress tal-bniedem, minkejja li hu ta’ ġid kbir għalih, iġib miegħu tentazzjoni kbira: għax meta jitħawwad l-ordni tal-valuri u l-ħażin jitħallat mat-tajjeb, il-bnedmin, individwalment u fi gruppi, iqisu biss dak li hu tagħhom u mhux dak li hu tal-oħrajn.

Il-Verb ta’ Alla, li bih sar kollox, li sar Huwa stess bniedem u għammar fl-art tal-bnedmin, daħal fl-istorja tad-dinja bħala l-bniedem perfett billi ħa fuqu l-istorja u ġabarha fih innifsu. Huwa jgħarrafna “li Alla hu mħabba” (1 Ġw 4,16) u fl-istess ħin jgħallimna li l-liġi fundamentali tal-perfezzjoni tal-bniedem, u għalhekk tat-tibdil tad-dinja, huwa l-kmandament il-ġdid tal-imħabba.

F’dan id-dawl, il-missjoni tal-Knisja fid-dinja tal-lum trid tissejjes fuq dak kollu li għedna dwar id-dinjità tal-persuna umana, il-komunità tal-bnedmin u t-tifsira profonda tal-ħidma tal-bnedmin. Gaudium et Spes għalhekk jittratta dwar l-istess Knisja skont kif teżisti f’din id-dinja u magħha tgħix u taħdem. F’dan il-kuntest, il-Knisja għandha tħabrek biex turi lill-bniedem it-tifsir tal-eżistenza tiegħu għax taf sewwa li Alla biss, li lilu hija taqdi, jista’ jwieġeb għax-xewqat ta’ qalb il-bniedem—xewqat li dak li tagħti l-art qatt ma jaqta’ għalkollox.

Għalkemm il-missjoni proprja li Kristu ta lill-Knisja mhix ta’ natura politika, ekonomika, jew soċjali, mill-istess missjoni reliġjuża tagħha joħorġu ħidma, dawl u forzi li jistgħu jservu biex tinbena u tissaħħaħ l-għaqda tal-bnedmin skont il-Liġi ta’ Alla. Il-Konċilju jħeġġeġ lill-Insara biex ifittxu jaqdu sewwa d-dmirijiet tagħhom tal-art, immexxijin mill-ispirtu tal-Evanġelju, għax hija l-fidi stess li tobbligana li nħarsuhom skont is-sejħa ta’ kull wieħed.

Bil-ħsieb u t-twemmin li Kristu hu l-Alfa u l-Omega (Apok 22, 13), meta hija stess tgħin id-dinja u tirċievi ħafna minnha, il-Knisja tfittex li tiġi s-saltna ta’ Alla u sseħħ is-salvazzjoni tal-bnedmin kollha. Kull ġid li l-Poplu ta’ Alla jista’ jagħti lill-familja tal-bnedmin, fiż-żmien li hu jinsab fid-dinja, ġej mill-fatt li l-Knisja hija is-sagrament universali tas-salvazzjoni li juri u fl-istess ħin iwettaq il-misteru tal-imħabba ta’ Alla lejn il-bniedem.