Xi Problemi Urġenti: iż-Żwieġ u l-Familja

Wara li wera ta’ liema dinjità hija l-persuna tal-bniedem u għal liema ħidma, individwali u soċjali, il-bniedem huwa msejjaħ, il-Konċilju, fid-dawl tal-Evanġelju u tal-esperjenza tal-bnedmin, issa jiġbed l-attenzjoni ta’ kulħadd għal xi problemi partikolarment urġenti ta’ dan iż-żmien. Sintendi iż-żwieġ u l-familja huma prijorità.

Il-ġid tal-persuna u tas-soċjetà umana u Nisranija jiddependi ħafna fuq l-għaqda taż-żwieġ u tal-familja. Għalhekk l-Insara, flimkien ma’ dawk kollha li għandhom stima kbira tal-istess soċjetà, jifirħu bil-qalb b’dawk il-ħafna mezzi li bihom illum il-bnedmin mexjin ’il quddiem fil-promozzjoni ta’ din l-għaqda ta’ mħabba u fir-rispett tal-ħajja u li bihom il-miżżewġin u l-ġenituri jsibu għajnuna fil-missjoni għolja tagħhom.

L-għaqda intima tal-ħajja u tal-imħabba bejn il-miżżewġin, imwaqqfa minn Alla fil-ħolqien u rregolata b’liġijiet proprji, titwaqqaf fuq il-patt taż-żwieġ, jiġifieri fuq il-kunsens personali u irrevokabbli. Hekk, b’att uman li bih il-miżżewġin jagħtu lil xulxin u jirċievu lil xulxin, istituzzjoni diġà stabbli b’liġi ta’ Alla tibda sseħħ ukoll quddiem is-soċjetà. Għall-ġid kemm tal-miżżewġin u tal-ulied, kemm tas-soċjetà, din ir-rabta qaddisa ma tiddependix mir-rieda tal-bnedmin.

L-għarajjes u l-miżżewġin huma mistiedna bosta drabi mill-Kelma ta’ Alla biex imantnu u jsaħħu l-għerusija bi mħabba safja, u ż-żwieġ bi mħabba fidila. Min-natura tagħhom, iż-żwieġ u l-imħabba tal-miżżewġin huma ordinati għall-prokreazzjoni u t-trobbija tal-ulied. Bil-ħolqien tal-bniedem bħala raġel u mara, Alla nnifsu ried jagħti lill-bniedem sehem speċjali fil-ħidma tiegħu tal-ħolqien, u bierek lir-raġel u lill-mara, u qalilhom “Nisslu u oktru” (Ġen 1,28).

Il-familja hija skola ta’ umanità akbar u iżjed għanja. Imma biex hija tista’ tikseb il-milja tal-ħajja u tal-missjoni tagħha jeħtieġ li l-miżżewġin ikunu iżjed miftuħa ma’ xulxin u jieħdu d-deċiżjonijiet flimkien, filwaqt li jkun hemm ukoll kooperazzjoni kontinwa tal-ġenituri fit-trobbija tal-ulied. Il-preżenza attiva tal-missier u l-omm tiswa ħafna għall-formazzjoni tagħhom sabiex meta jikbru jkunu jistgħu, b’sens ta’ responsabbiltà sħiħa, jimxu wara s-sejħa tagħhom, ukoll dik sagra, u jagħżlu l-istat ta’ ħajja għalihom.