Xi Problemi Urġenti: l-Iżvilupp Xieraq tal-Kultura

Realtà urġenti oħra li jiddiskuti Gaudium et Spess hija l-iżvilupp xieraq tal-kultura. Il-persuna umana tasal għal livell ta’ ħajja li hi tassew u għalkollox umana permezz tal-kultura, jiġifieri billi tgħożż dak li hu tajjeb u li jiswa fin-natura. Għalhekk, kull fejn tidħol il-ħajja tal-bniedem, in-natura u l-kultura huma dejjem magħqudin flimkien. Il-kelma ‘kultura’ f’sens ġenerali tindika dawk il-mezzi kollha li bihom il-bnedmin isebbħu u jħaddmu l-ħafna fakultajiet tar-ruħ u tal-ġisem u jfittxu li bl-għerf u bix-xogħol jieħdu setgħa fuq l-istess dinja.

Għalkem l-Insara, huma u mexjin lejn il-belt tas-sema, għandhom ifittxu u jiggustaw il-ħwejjeġ tas-Sema, b’danakollu m’għandhiex tonqos, anzi għandha tikber, l-importanza tad-dmir tagħhom li jaħdmu flimkien mal-bnedmin kollha għall-bini ta’ dinja b’kultura aktar umana. Hemm ħafna xorta ta’ rabtiet bejn l-aħbar tas-salvazzjoni u l-kultura tal-bnedmin. Għaliex Alla meta għarraf lilu nnifsu lill-poplu tiegħu, sakemm wasal għall-milja tar-rivelazzjoni f’Ibnu magħmul bniedem, tkellem skont il-kultura u proprja taż-żminijiet partikolari.

Il-Knisja tfakkar lil kulħadd li l-kultura għandha tfittex il-perfezzjoni tal-persuna sħiħa tal-bniedem, u l-ġid tal-komunità u tal-għaqda kollha tal-bnedmin. Għalhekk jeħtieġ li l-ispirtu ikun ikkultivat b’manjiera li jkunu żviluppati l-fakultajiet tiegħu tal-ammirazzjoni, tal-intwizzjoni u tal-kontemplazzjoni, u jsir kapaċi jagħmel ġudizzju personali u jgħożż is-sens reliġjuż, morali, u soċjali. Jeħtieġ li lkoll, kemm fl-ekonomija kemm fil-politika, kemm fil-qasam nazzjonali kemm f’dak internazzjonali, inħabirku sabiex jittieħdu deċiżjonijiet fundamentali li bihom ikun magħruf u jitħares fid-dinja kollha l-jedd tal-bnedmin kollha għal kultura umana u ċivili li taqbel mad-dinjità tal-persuna, mingħajr differenzi ta’ razza, sess, nazzjon, reliġjon jew kundizzjoni soċjali.

Hija ħaġa aktar iebsa llum milli kienet qabel li tagħmel sintesi ta’ oqsma differenti tal-għerf u l-arti. Iktar ma jikbru l-kwantità u d-diversità tal-elementi li jiffurmaw il-kultura, iktar tonqos il-kapaċità tal-bnedmin li jifhmuhom u jgħaqqduhom sewwa flimkien, hekk li x-xbieha ta’ “bniedem universali” kulma jmur qiegħda tispiċċa. B’danakollu, ibda mill-familja, jibqa’ d-dmir għal kull bniedem li jżomm quddiemu d-dehra tal-persuna umana sħiħa, b’rispett għall-intelliġenza, ir-rieda, il-kuxjenza u l-għaqda tal-aħwa. Dawn il-valuri kollha għandhom is-sies tagħhom f’Alla u b’manjiera tal-għaġeb tfejqu u tgħollew fi Kristu.

Għad li l-Knisja tat kontribut kbir għall-progress tal-kultura, l-esperjenza turi li ħtija ta’ xi ċirkustanzi l-armonija bejn kultura u formazzjoni Nisranija mhux dejjem tkun faċli. Dawn id-diffikultajiet mhux bilfors huma ta’ ħsara għall-fidi, anzi jistgħu jħeġġu l-intelliġenza biex tifhem il-fidi aħjar u aktar fil-fond. Għaliex l-istudji ta’ dawn l-aħħar żminijiet u l-iskoperti ġodda tax-xjenzi, tal-istorja u tal-filosofija jqajmu kwistjonijet ġodda li jġibu magħhom ukoll konsegwenzi għall-ħajja u jitolbu mit-teoloġi wkoll tfittxijiet ġodda.