Xi Problemi Urġenti: il-Ħajja Ekonomika u Soċjali

Ma setax jonqos li Gaudium et Spes jesplora l-qasam ekonomiku u politiku, kif se naraw f’dan l-artiklu u f’dak li jmiss, li jagħlaq din il-mixja li għamilna matul l-erba’ dokumenti ewlenin tal-Konċilju Vatikan II bi tħejjija għall-Ġublew tal-2025.

Mill-perspettiva tat-tagħlim soċjali tal-Knisja, il-ħajja ekonomika u soċjali tinbena fuq il-ħidma tal-bnedmin. Ix-xogħol tal-bniedem li jsir biex jipproduċi u jikkummerċja l-ġid jew biex jipprovdi servizzi ekonomiċi huwa ta’ valur ogħla mill-elementi l-oħra tal-ħajja ekonomika, għaliex dawn għandhom biss in-natura ta’ għodod.

Bix-xogħol tiegħu l-bniedem isostni lilu nnifsu u l-familja tiegħu, jingħaqad ma’ ħutu u jaqdihom, jista’ jagħmel karità vera u jieħu sehem fil-perfezzjonament tal-ħolqien ta’ Alla. Anzi aħna nemmnu li meta l-bniedem joffri x-xogħol lil Alla ikun qed jingħaqad mal-ħidma tal-fidwa ta’ Ġesu Kristu li ta lix-xogħol dinjità l-aktar għolja meta f’Nazaret ħadem b’idejh stess. Ix-xogħol għandu jitħallas b’mod li l-bniedem ikun jista’ jgħix kif jixraq il-ħajja materjali, soċjali, kulturali u spiritwali.

L-impriżi ekonomiċi mhumiex magni imma fihom jipparteċipaw persuni, jiġifieri bnedmin liberi, awtonomi, maħluqin sura u xbieha ta’ Alla. Għalhekk, filwaqt li jitħarsu x-xogħlijiet ta’ kull wieħed, sew propretarji jew imprendituri sew diriġenti sew ħaddiema, u filwaqt li titħares l-unità meħtieġa tad-direzzjoni tal-impriża, għandha tkun inkoraġġita, b’kundizzonijiet stabbiliti kif imiss, il-parteċipazzjoni attiva ta’ kulħadd fit-tmexxija tagħhom.

Alla ddestina l-art b’dak kollu li fiha għall-użu tal-bnedmin u tal-popli kollha b’mod li kulħadd għandu jkollu sehem bi kriterju ekwu mill-ġid kollu maħluq. Dan it-tqassim għandu jsir bil-ġustizzja mgħaqqda mal-karità. Ikunu xi jkunu l-għamliet tal-proprjetà addattati għall-istituzzjonijiet leġittmi tal-popli, skont ċirkustanzi diversi iżda li jistgħu jinbidlu, jeħtieġ li tinżamm dejjem quddiem għajnejna din id-destinazzjoni tal-ġid kollu.

Billi hawn ħafna nies magħkusin mill-ġuħ, kulħadd, sew l-individwi sew l-awtoritajiet, għandhom jiftakru fil-kliem “Itma lil min hu bil-ġuħ, għaliex jekk ma titimgħux tkun qed toqtlu” (Gaudium et Spes, par. 69). Kulħadd skont kif jista’ għandu jqassam tassew u jonfoq il-ġid tiegħu l-aktar billi jagħti lill-individwi jew lill-popli dawk il-mezzi li bihom huma jkunu jistgħu jgħinu u jiżviluppaw lilhom infushom.

L-Insara li għandhom sehem attiv fil-progress ekonomiku-soċjali tal-lum u li jġibu ’l quddiem il-ġustizzja u l-imħabba għandhom ikunu persważi li huma jistgħu jkunu ta’ għajnuna kbira għall-prosperità tal-bnedmin kollha u għall-paċi tad-dinja. Wara li jkunu kisbu l-kompetenza u l-esperjenza meħtieġa, fil-ħidma tagħhom ta’ din l-art l-Insara għandhom iħarsu l-ordni rett, bil-fedeltà lejn Kristu u l-Evanġelju tiegħu, b’mod li ħajjithom kollha, kemm individwali kemm soċjali, tkun mimlija bl-ispirtu tal-Beatitudnijiet, partikolarment bl-ispirtu tal-faqar. Kull min, leali lejn Kristu, ifittex l-ewwel is-Saltna ta’ Alla, jirċievi minnha mħabba aktar qawwija u aktar safja biex jgħin lil ħutu kollha u biex itemm bl-ispirazzjoni ta’ mħabba l-għemil tal-ġustizzja.