Leħen il-Maħbub qed jistenna tweġiba

Il-Malti għandu espressjonijiet ferm sbieħ li jgħaqqdu r-relazzjonijiet ta’ bejnietna mal-kelma. Meta tnejn jibdew jinnamraw, ngħidu: “Ara dak, qed ikellem waħda.” Meta tnejn ikollhom xi tilwima bejniethom, ngħidu: “Ara dawk, bħalissa mhumiex jitkellmu.” Dan ifisser li fejn hemm djalogu hemm ukoll relazzjoni.

Alla, sa mill-bidu tal-ħolqien, kien il-gost tiegħu “jitlajja fil-ġnien għaż-żiffa tal-jum” u jfittex il-bniedem biex ikellmu (Ġen 3, 8). Id-dnub waqqaf ħesrem id-djalogu bejn Alla u l-bniedem. Il-bniedem siket u staħba, iżda Alla, fl-imħabba bla tarf tiegħu, ħejja pjan biex jikser is-skiet u jilħaq il-bniedem permezz tal-Kelma tiegħu.

Peress li Alla huwa Alla ta’ relazzjoni u imħabba, ried jibqa’ jitkellem magħna l-ħin kollu. It-traġedja tad-dnub ma żammitux u ma waqqfitux milli jitkellem.

Fil-Kotba Mqaddsa l-Missier li hu fis-smewwiet jiltaqa’ b’imħabba kbira ma’ wliedu u jidħol f’konverżazzjoni magħhom … L-Iskrittura Mqaddsa hija l-kelma ta’ Alla inkwantu miktuba bl-ispirazzjoni tal-Ispirtu ta’ Alla.

Dei Verbum, par. 21; 9

Il-Kelma ta’ Alla tant hija qawwija li, meta titlissen, isseħħ. Narawha fil-ħolqien, kull darba li Alla tkellem, ħoloq. Dak li Alla xtaq, seħħ u fil-milja tiegħu tlaħħam fi Kristu. “Alla fl-imgħoddi kellem lil missirijietna ħafna drabi u b’ħafna manjieri permezz tal-profeti.  Issa f’dan l-aħħar żmien, huwa kellimna permezz ta’ Ibnu” (Lhud 1, 1-2).  Mhux ta’ b’xejn li fl-Evanġelju skont San Ġwann, minflok in-narrattiva tal-twelid ta’ Ġesù, insibu in-narrattiva tal-Kelma (il-Verb jew Logos) fil-persuna ta’ Kristu.

San Ġorġ Preca poġġa timbru speċjali fuq kliem imlissna min Ġesù: ‘Leħen il-Maħbub’. Kien irawwem lit-tfal biex il-Kelma t’Alla jinnamraw magħha. Għaliex? “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3, 16). Biex dan iseħħ hemm bżonn li issa nitkellmu aħna li għalina ġie Kristu. Kif? Billi l-ħajja tagħna tkun tweġiba xierqa għal din il-Kelma bl-għemil tagħna.

Alla ma jridx jitkellem waħdu. Irid jiddjaloga magħna. Alla qiegħed jistenna min-naħa tagħna li nikkommettu ħajjitna biex tkun tweġiba fidila fil-mod ta’ kif inġibu ruħna u kif nitkellmu. F’dan it-Tielet Ħadd Matul is-Sena fejn qegħdin niċċelebraw il-Kelma t’Alla, ejjew inġeddu din l-imħabba lejn il-Maħbub billi nqattgħu aktar ħin mal-Iskrittura Mqaddsa għaliex permezz tagħha biss nistgħu nitqaddsu u nsiru nixbhu lil Kristu. M’hemmx tweġiba aktar xierqa għal dan il-jum speċjali milli nikkontemplaw din il-Kelma li għandha l-qawwa li tbiddlilna ħajjitna ħalli nkunu aħna stess l-għaxqa tal-Maħbub!