Nitlob għax inħossni tajjeb! Żgur?

Idea żbaljata oħra komuni ħafna dwar it-talb hija li nitlob għax inħossni tajjeb u fil-paċi. Jekk qed nirraġunaw hekk ifisser li l-interess tagħna fit-talb għadu wieħed egoist u mhux immarkat mir-reċiproċità li suppost tikkaratterizza kull relazzjoni sabiħa. Anke fi ħbiberija, jekk kollox idur miegħi u mal-fatt li jiena kuntent, din mhijiex ħbiberija sinċiera. Ħbiberija sinċiera l-ewwel u qabel kollox tfittex il-kuntentizza tal-persuna l-oħra, u jien insib il-ferħ tiegħi daqskemm inkun qed nagħmel lill-persuna l-oħra ferħana.

Barra minn hekk:, jekk it-talb ikun sinċier u mhux superfiċjali, kultant jiġri preċiż bil-kontra: it-talb ma jħallikx fil-paċi imma jġagħlek tagħmel xi ħaġa. Jekk qed nersqu quddiem Alla b’onestà, Alla hu leali lejna u ma jafx jiksina bix-xema’ biex iżommna kuntenti, imma jurina fejn l-affarijiet mhumiex sew. IMMA GĦAX IĦOBBNA! Kif wara kollox jagħmlu l-ħbieb ġenwini. Tkun taf li xi ħadd tassew iħobbok meta jkun lest li jgħidlek xi ħaġa li hi vera imma li mhijiex sabiħa, u xorta waħda jgħidha minkejja li hemm ir-riskju li int ma tkellmux iktar minħabba fiha.

It-talb ukoll mhux dejjem jagħtina l-paċi mill-ewwel għax it-talb mhuwiex dejjem faċli. Il-kittieba Nsara fi żminijiet differenti qabblu t-talb ma’ taqbida, kumbattiment. It-talb huwa ġlieda kontinwa magħna nfusna għax aħna nippreferu ngħixu l-ħajja tad-dnub u tal-kumdità milli l-ħajja t-tajba li titlob sagrifiċċju. Fit-talb nitħabtu mas-skiet għax nippreferu naħlu l-ħin f’elf ħaġa oħra iktar eċitanti milli naħlu l-ħin ma’ Alla fis-skiet. Fit-talb nissaraw ma’ Alla għax fit-talb m’aħniex niġġieldu waħedna biss magħna nfusna u mal-baħħ, imma hemm xi ħadd li qed nissaraw miegħu.

Waħda mill-isbaħ stampi li tpinġilna l-Bibbja ta’ dan, bla dubju hija l-ġrajja ta’ meta Ġakobb għadda l-lejl jissara mal-Mulej:

U qam dak il-lejl stess, u qabad in-nisa tiegħu, u ż-żewġ qaddejja tiegħu, u l-ħdax uliedu, u qasam il-mogħdija tal-Ġabbok. Qabadhom u għaddiehom ix-xmara b’kulma kellu. Imbagħad Ġakobb baqa’ waħdu, u ġie raġel u baqa’ jissara miegħu sa ma beda jisbaħ. U meta ra li ma setax għalih, messlu l-għaksa ta’ koxxtu, u l-għaksa ta’ koxxt Ġakobb tfekket, hu u jissara miegħu.

Imbagħad qallu: “Ħallini mmur, għax qiegħed jisbaħ.” U Ġakobb wieġbu: “Ma nħallikx jekk ma tberiknix.” U dan staqsieh: “Inti x’jismek?” “Ġakobb,” wieġbu. U dak qallu: “Ma jkunx aktar jismek Ġakobb, iżda Iżrael, għax int issarajt ma’ Alla u mal-bnedmin, u rbaħt.”

Staqsieh Ġakobb u qal: “Għidli x’jismek,” u wieġbu: “Għaliex tistaqsini ismi?” U bierku hemmhekk.

Ġenesi 32, 23-30