X’inhu u x’mhuwiex it-talb?

Wara li rajna ftit fit-tul xi ostakli li nistgħu nsibu sabiex verament niftħu ’l qalb tagħna għall-Mulej fit-talb, qabel ma nibdew nitkellmu dwar xi għajnuniet, tajjeb nieqfu u naħsbu ftit dwar x’inhu t-talb. Dan għaliex hemm tip ta’ diskors jew modi ta’ ħsieb li forsi nistgħu naħsbu li huma talb imma fil-verità mhumiex jew huma biss forma fqira ħafna ta’ talb. F’dan l-artiklu, u f’oħrajn fil-ġimgħat li ġejjin, se nesploraw flimkien x’inhu u x’mhuwiex it-talb sabiex hekk niċċaraw ftit l-ideat tagħna.

L-ewwel u qabel kollox, it-talb mhuwiex bħal meta tmur tixtri mill-ħanut jew minn xi magna tal-bejgħ: Tieħu l-lista u ssib kollox, u allaħares ma tinqediex minn kollox. Jew, agħar minn hekk, titfa’ xi ħaġa tal-flus (issib xi ħaġa li biha taħseb li tista’ tixtri lil Alla) u tagħfas il-buttuna fil-magna tat-talb u dak li trid jiġi (u ma jistax ma jagħtikx li trid għax inkella theddu). Forsi ftit esaġerati dawn il-paraguni, imma bla dubju nsibu ruħna ninqabdu fihom. Għaldaqstant, mhijiex tad-daħk imma tal-biki!

Alla mhux qiegħed hemm biex jaqdi lilna. Ċertament, Alla jrid ixerred kotra ta’ grazzji fuqna, imma mhux qiegħed hemm biex jissodisfa lilna. Minkejja li ċċekken u sar ilsir (ara Fil 2, 7), xorta waħda hu s-Sid ta’ kollox, u mhux aħna s-sidien tiegħu.

Fit-talb, mhux aħna li nippruvaw nikkonvinċu lil Alla li jagħmel li rridu aħna imma huwa iktar spazju biex aħna nilqgħu r-rieda tiegħu—rieda li mhijiex ta’ xi tirann kattiv imma ta’ Alla li hu t-Tjubija nnifisha. Minkejja li fil-Missierna nitolbu “Ikun li trid int kif fis-sema hekkda fl-art,” ħafna drabi nippretendu preċiż bil-kontra! U, fortunatament, filwaqt li dejjem jisimgħu t-talb tagħna, Alla mhux dejjem jisma’ minna. Wara kollox, Alla ma jqis biss lili b’mod iżolat imma jara x’hemm ukoll fil-qlub tal-bnedmin kollha u jieħu ħsieb ukoll il-ħolqien kollu meta jqassam il-grazzja tiegħu!