Ma nafx kif nitlob!

Meta l-iskużi kollha biex ma nitlobx ikunu eżawriti, dejjem jifdal l-aħħar karta x’nilagħbu: għax ma nafx kif nitlob! It-talb mhuwiex primarjament metodu imma hu esperjenza ta’ ħbiberija. U, għalkemm hemm affarijiet li jkollna nitgħallmuhom fejn jidħlu r-relazzjonijiet interpersonali, nafu li fil-ħbiberiji m’hemmx regoli fissi imma hemm laqgħa bejn persuni differenti u mixja flimkien.

Jekk din il-mistoqsija ma tkunx skuża imma tkun waħda serja, tkun mistoqsija dwar il-kontenut tat-talb: x’ser noqgħod ngħidlu lil Alla waqt il-ħin tat-talb? Ma’ Alla m’hemmx għalfejn noqogħdu ninkwetaw li hemm bżonn inkunu politikament korretti u lanqas li ser jieħu għalih. U, għaldaqstant, nista’ nitkellem miegħu bħalma nitkellem mal-ħbieb intimi tiegħi, jiġifieri mingħajr inibizzjonijiet jew biżgħat li xi ħadd se jikxifni u jwassal dak li ngħid jew li se jifhimni ħażin. Nitlob ifisser li nitkellem ma’ Alla dwar ir-realtà konkreta tal-ħajja tiegħi, b’dak li hemm u li hu l-iktar reali. Mhux għax Alla ma jafux imma għax, waqt li nitkellem miegħu, inkun qed inħares lejn l-affarijiet b’mod xi ftit distakkat bit-tama wkoll li narahom bil-mod kif jarahom hu.

Anke fit-talb tal-Missierna, wara l-introduzzjoni ta’ tifħir u xewqa li nagħmlu dak li jrid Alla, imbagħad it-talba tkompli dwar affarijiet mill-iktar konkreti. Meta nitolbu, “Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum,” Ġesù jistedinna nitkellmu ma’ Alla dwar il-preokkupazzjonijiet mill-iktar konkreti u ordinarji tal-ħajja tagħna sabiex bil-mod il-mod nitgħallmu nafdawh. Meta nitolbu, “Aħfrilna dnubietna,” aħna qegħdin niftħu għal Alla r-realtà konkreta tad-dnubiet tagħna, nitolbuh ifejjaq is-sens ta’ ħtija li jipparalizzana, nitolbuh itaffi l-qtigħ il-qalb quddiem il-fallimenti tagħna. Meta nitolbuh, “la ddaħħalniex fit-tiġrib,” inkunu qegħdin niftħu qalbna ma’ Alla dwar il-biżgħat quddiem l-isfidi tal-ħajja. Meta nitolbuh, “eħlisna mid-deni,” inkunu qed nitolbuh biex iħares lil ruħna mill-okkażjoni tad-dnub u mill-kontroll tal-qawwa tal-ħażin.

Ġesù tana mod sempliċi kif nitolbu meta qasam magħna r-relazzjoni tiegħu ma’ Missieru. Jiġifieri, jeħtieġ li tieqaf iġġib l-iskużi u fl-aħħar tiddeċiedi li tintefa’ fil-baħar u tibda tgħum! Għall-bidu se ssibu kiesaħ il-baħar u wkoll tkun tixtieq tfittex titla’ lura fuq l-art tal-ħajja ta’ kuljum. Imma, jekk m’intix se taqbeż fl-ilma, se tibqa’ ma titgħallimx tgħum!