Skużi biex ma Titlobx

Flimkien ma’ diversi ostakli li niltaqgħu magħhom biex nibdew ħajja ta’ talb matura, hemm ukoll sensiela ta’ skużi li nġibuhom meta nagħrfu l-bżonn tat-talb imma nippreferu nibqgħu lura. L-iskuża klassika hija l-ħin: m’għandix ħin! Huwa veru li l-ħin hu limitat u bil-miljun elf ħaġa oħra li għandna x’nagħmlu ftit jifdal ħin imma, tiskanta, dejjem jifdal ftit ħin biex naħluh f’affarijiet bi ftit li xejn valur … U għalhekk, jekk irrid insib il-ħin għat-talb, insibu, imqar ftit minuti qosra. Fuq din nitkellmu iktar ’il quddiem, meta naraw l-isfidi li jkollna naffaċċjaw meta ġenwinament nibdew nitolbu.

Skuża klassika oħra hija r-ripetizzjoni: “Uff xi dwejjaq, dejjem l-istess!” Hemm element ripetittiv f’ċertu talb, bħalma huma r-Rużarju u talb ieħor bl-amment. Però din hija skuża mill-iktar fqira għax m’hemmx metodu wieħed ta’ talb. U, ngħiduha kif inhi, il-ħajja minnha nnifisha hija pjuttost ripetittiva: aħna kuljum nieklu, kuljum norqdu, kuljum ikollna naqdu l-bżonnijiet tagħna, u jkun hemm problema fil-ħajja meta din ir-ripetizzjoni ma tkunx hemm! Hemm rutina li mingħajrha nieqfu neżistu. U, iva, it-talb jeħtieġ li jkun parti minn din ir-rutina li mingħajrha ma ngħaddux.

It-tradizzjonijiet reliġjużi kollha matul il-millenji dejjem għamlu użu mir-ripetizzjonijiet ta’ ċertu talb jew mantri. Imma llum, hekk kif aħna bbumbardjati minn kull naħa bi stampi li jinbidlu kull millisekonda, sirna nippretendu li kollox għandu jkun dejjem ġdid u m’għadniex napprezzaw il-valur ta’ dak li huwa fiss u joffrilna kenn fl-istabbiltà tiegħu. Ħares l-ordni, u l-ordni jħarsek, kien jgħid San Ġorġ Preca!